Storja ta’ sekli f’ritratt ċkejken

 Storja ta’ sekli f’ritratt ċkejken

Ċerti postijiet fil-Kottonera jinsabu fil-għoli tant li jekk tħares lejn il-Belt Valletta tista’ tiġbed l-isbaħ ritratti. Ritratti bħal dawn ittieħdu minn mijiet ta’ Maltin u eluf ta’ turisti matul is-snin!

Imma, is-sabiħ tar-ritratt huwa meta tieqaf u tifli d-dettalji tiegħu. U dan li semmejt hu ritratt li jekk tiflih sewwa jgħid parti kbira mill-istorja ta’ pajjiżna.

Jolqot mill-ewwel il-baħar, il-mezz li permezz tiegħu u sa minn tant sekli ilu ġew nies iżuruna u jaħkmuna l-iktar mill-Mediterran. Il-baħar ifakkar li Malta minn dejjem kienet art ta’ mistrieħ għall-baħħara, kenn mill-maltemp, u aktar tard ċentru ta’ kummerċ. Illum il-baħar iġib il-cruise liners enormi mimlijin turisti mid-dinja kollha li jieqfu jgawdu għal ftit sigħat l-istorja, ix-xemx u l-ikel ta’ art twelidna.

Hemm imbagħad il-fortizzi u s-swar li jfakkruna fit-taqbida bejn il-Maltin u l-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq naħa u l-Imperu Ottoman fuq l-oħra li seħħet fis-seklu 16. Nimmaġina parti mill-Port il-Kbir mimli bix-xwieni ta’ daqs differenti tal-Ordni ta’ San Ġwann, dak iż-żmien kollha arbli u qlugħ kbar għax misjuqin mir-riħ. Nimmaġina l-isparar tal-kanuni, id-dħaħen suwed telgħin minn partijiet differenti ta’ San’Anġlu, jew ta’ Sant’Iermu fil-ponta tal-Belt, l-għajat tad-difensuri u tal-għedewwa.

Fir-ritratt tara l-binjiet sinjorili li ħallew warajhom il-Kavallieri bil-bini tal-Belt Valletta, imma anki l-koppli u l-kampnari ta’ knejjes differenti, xhieda tal-għeruq Insara tagħna.

Aktar tard il-port imtela bil-vapuri tal-merkanzija fi żmien l-Ingliżi, imma l-anzjani żgur li jiftakru l-bosta vapuri tal-gwerra li kienu jaffullaw iż-żona, bil-Belt miżgħuda b’eluf ta’ baħrin u uffiċċjali barranin. Anki dan kien iġib kummerċ u ġid.

Fir-ritratt tara wkoll il-krejnijiet donnhom giraffi jew għenuq ta’ dinosawri ġganti tat-tarzna, industrija li xi xi darba kienet tagħti x-xogħol lil eluf ta’ Maltin. Tara wkoll ’l hawn u ’l hinn it-turretta ta’ xi mitħna, tifkira ta’ kemm kienu bżonjużi fl-imgħoddi biex jintaħan il-qamħ u l-poplu Malti jkollu l-ħobża ta’ kuljum.

U issa telgħin ukoll it-torrijiet…

Insomma, ritratt ċkejken li jgħid storja tant kbira u glorjuża. Ngħożżu dan kollu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com