Tafu kif iffurmat il-Biblijoteka Nazzjonali?
Kull pajjiż għandu l-wirt letterarju tiegħu. Il-kotba huma għerf u huma wkoll importanti għaliex jitfgħu dawl fuq iż-żminijiet diversi.
F’Mejju tal-1555, il-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni ta’ San Ġwann, taħt il-Gran Mastru Claude de la Sengle, għadda riżoluzzjoni li biha stabilixxa librerija għall-Kappillani Konventwali.
Il-kotba kellhom jidħlu mill-wirt ta’ kavallieri mejta. Dan kien il-bidu tal-Biblijoteka Nazzjonali.
Fil-bidu, il-librerija kienet tokkupa dar fi Strada Reale (Triq ir-Repubblika), kantuniera ma’ Triq Santa Luċija.
Xi ġmiel hux! Kos, qatt ħsibtu li ktieb daqstant antik, li tista’ tara sal-lum, kien ingħata direttament b’wirt minn kavallier? Immaġinaw it-traġit tas-snin… messew huma b’idhom u llum tista’ tmissu b’idejk inti. Għalhekk huwa sabiħ il-wirt, għaliex jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra u rridu nibżgħu għalih.
Dak li qed niktbu llum, għad jiġi f’idejn ħaddieħor fil-futur.