Tirringrazzja lil kulħadd personalment tal-awguri f’għeluq sninek fuq Facebook?
Meta tasal il-ġurnata li fiha tagħlaq sninek u jkollok dik id-data mniżżla fuq Facebook, huwa normali li matul il-ġurnata jibdew deħlin ħafna posts minn nies differenti biex jagħtuk l-awguri tagħhom. Jiddependi dejjem skond kemm għandek ħbieb fuq din il-pjattaforma, ħafna drabi tispiċċa b’mijiet ta’ messaġġi, posts u kummenti u lanqas tkun taf minn fejn se taqbad tibda.
Id-dilemma tiġi meta tibda tgħid, għandi nirringrazzja lil kulħadd individwalment? X’inhi l-aktar ħaġa li biha nista’ nuri apprezzament lil dawn il-persuni li ħadu l-ħin mill-ġurnata tagħhom biex jixtiequli ġurnata sabiħa?
Infatti ssib nies differenti, li jiddeċiedu li jirringrazzjaw lil dawn il-persuni b’modi differenti. Issib min lanqas biss idur il-messaġġi wieħed wieħed, iżda jtella’ post fuq Facebook waħda u jgħid grazzi lil kulħadd f’daqqa.
Imbagħad issib lil min jaqrahom wieħed, wieħed, iħalli xi reaction fuq kull post, u jtella’ post individwali jgħid grazzi lil kulħadd f’daqqa.
Imbagħad hemm dawk li tarahom jiddedikaw xi siegħa mill-ġurnata speċjali tagħhom biex iwieġbu post, post u messaġġ messaġġ. Tarahom iwieġbu kull messaġġ differenti biex juru apprezzament aktar profond lill-persuna li ddedikat ftit minuti sabiex tagħmlilhom l-awguri.
Intom liema metodu tużaw biex tirringrazzjaw lil dawk li ddedikaw ħinhom biex jagħtukom l-awguri tagħhom?