Titħajjar tuża r-rota b’dan il-mod?
F’Malta minkejja kull sforz biex nużaw ir-roti għat-trasport, għadna lura milli nużaw ir-rota b’mod regolari. Jista’ jkun illi kien hawn min tħajjar jixtri waħda, imma wara ftit, minħabba l-biża’, ir-rota tispiċċa mdendla f’xi garaxx. Mhux l-istess jagħmlu l-Olandiżi, għax l-għaxqa tagħhom jivvjaġġaw bihom. Aktar minn hekk, kien hemm min sab mod ieħor sabiex jutilizza ir-roti b’mod differenti.
Apparti r-roti, l-Olandiżi huma magħrufin għall-imħabba tagħhom lejn il-fjuri. Amerikan bl-isem ta’ Warren Gregory, li jgħix l-Olanda ġietu l-idea illi jżewweġ dan iż-żewġ imħabbiet li għandhom l-Olandiżi flimkien. L-idea faqqset f’moħħu meta l-mara tiegħu ma setgħetx issib ir-rota li kienet ħalliet fiċ-Ċentru ta’ Amsterdam. Il-mara ta’ Gregory kellha kundizzjoni medika u kien diffiċli għaliha biex tiftakar ċertu affarijiet, u fost affarijiet li bdiet tinsa kien propju fejn tkun ħalliet ir-rota.
Sabiex jgħin lil martu, Gregory żejjen ir-rota ta’ martu bi fjuri b’kuluri jixgħelu sabiex ikun aktar faċli li ssib din ir-rota. Meta ra li l-idea tiegħu intogħġbot, Gregory beda jżejjen aktar roti bil-fjuri u jxerridhom mat-toroq tal-kapitali Olandiża
La semmejna l-fjuri, tajjeb infakkru li mhux kollox ward u żahar. Ir-roti li beda joħloq Gregory, mhux l-ewwel darba li spiċċaw insterqu jew ittieħdu l-fjuri minnhom. Aktar minn hekk kien hemm roti li ingħataw in-nar. Imma Gregory baqa’ persistenti u kompla joħloq aktar roti ikkuluriti u mżejjna, għax l-imħabba li għandu għal dan ix-xogħol hi kbira.
Min jaf kieku f’Malta ukoll nitħajjru nibdew inżejjnu r-roti u nħalluhom barra? Kieku kulħadd jagħmel oġġett wieħed biex iżejjen l-ambjent ta’ madwaru ukoll inkunu għamilna pass ‘il quddiem. Titħajjar tagħmel xi ħaġa simili, u jekk iva, xi tkun?