“Tixgħel l-indicator u ma jċedulekx, ma tixgħelux u jgħajtu miegħek”
- Tim Strada Rjali
- Friday, 17 May 2024, 9:00
- 0
Li ssuq hawn Malta hija avventura ta’ kuljum u tgħaddi minn fejn tgħaddi ma ġġibiex żewġ. Meta ma tixgħelx l-indicator issib min jgħajrek tnejn…u bir-raġun. Ir-regoli tat-toroq jgħidulek li trid tixgħel l-indicator biex ta’ warajk u min irid iċedilek ikun jaf x’se tagħmel.
Hekk kif ħadd minnha mhu kapaċi jaqra l-imħuħ, hemm bżonn li nużaw il-mezzi disponibbli biex nuru x’inhi l-intenzjoni tagħna fit-triq. B’hekk nevitaw l-inċidenti fit-toroq.
Iżda mbagħad hemm in-naħa l-oħra tal-munita. Meta wieħed jixgħel l-indicator u jitħalla hemm, mingħajr ħadd ma jieqaf…sakemm dak li jkun jaqbad u joħroġ jew jibdel il-karreġjata. Mumenti bħal dawn tibda tgħid: “mela meta ma ssegwix ir-regoli taqlagħha, u meta ssegwihom tibqa’ l-art!”
Imma kif jgħid l-Ingliż…”two wrongs, don’t make a right!”
- Jekk tixgħel l-indicator, kompli ixegħlu. Inti qed issegwi r-regoli tat-triq.
- Jekk tara lil xi ħadd bl-indicator mixgħul, ipprova agħtihom l-opportunità jgħaddu.
- Jekk ma tixgħelx l-indicator, ibda ixegħlu! Dan mhux dekorazzjoni tal-Milied, iżda apparat li jgħin lis-sigurtà fit-toroq.
Ftit aktar ħsieb, attenzjoni u altruwiżmu fit-toroq kapaċi jgħinunha nħossuna ftit aktar sikuri fis-sewqan tagħna, u forsi jnaqqas ftit l-istress li jikkawża sewqan bl-addoċċ fit-toroq tagħna.