Tnaddafha kemm tnaddafha, xorta titħammeġ

 Tnaddafha kemm tnaddafha, xorta titħammeġ

Għal ħafna minna, il-karozza tqatta’ ħafna ħin barra. Minkejja l-isforzi biex inżommuha nadifa, xorta tispiċċa titħammeġ bi frak, tbajja’ u trab, minn barra u minn ġewwa.

Fis-suq hemm ruxxmata prodotti biex tnaddaf il-karozzi, imma l-maġġoranza miżgħudin kimiċi ħorox. Hawnhekk ġbarna xi prattiċi li tista’ ssegwi biex tnaddaf il-karozza b’mezzi iktar naturali.

  • Ħallat ħall abjad u baking soda biex tifforma taħlita magħquda li tista’ tneħħi l-ħmieġ minn fuq it-tapizzerija. Uża xkupilja tas-snien qadima u ogħrok fejn tixtieq tnaddaf. Meta tinxef iġbed b’vacuum cleaner.
  • Jaf hemm postijiet li diffiċli tfarfarhom. Uża pinżell taż-żebgħa jew foam brush biex tidħol fi rkejjen issikkati. Ħaddem vacuum cleaner biex it-trab ma jinfirixx.
  •  Il-pil tal-annimali jbikkik biex tneħħih minn fuq is-seats. Bi flixkun tal-isprej tal-ilma u squeegee tħaffef ix-xogħol; sprejja ħafif fuq is-seats u għaddi bl-isqueegee biex tiġbed il-pil.
  • Jekk għandek id-dashboard tal-ġilda, xappap ċarruta fi ftit żejt taż-żebbuġa u ogħrok bil-mod l-uċuħ. Iż-żejt huwa conditioner naturali u jagħtihom dehra tleqq.
  •  Poġġi taħlita ta’ ftit qtar tal-essential oils u baking soda f’vażett żgħir, taqqablu l-għatu u poġġih fil-cup holder. Il-baking soda jiġbed l-irwejjaħ u ż-żjut jerħu riħa sabiħa fil-karozza; air freshener naturali. Xarrab ċarruta bi ftit surgical spirit u imsaħ il-wipers sew. B’hekk tiżgura li meta tużahom ma jħallux marki fuq il-windscreen u ttejjeb il-viżibilità tiegħek.
  • Tista’ tnaddaf il-ħġieġ tal-karozza bi sprej ta’ ilma u ħall. Sprejja t-taħlita, ħalliha toqgħod biex jinqala’ l-ħmieġ u msaħha b’karta ta’ gazzetta ħalli ma tħallix marki jew tnietex.
  • Bi ftit ilma u ħall, tista’ tnaddaf ir-rimmijiet tal-chrome. Sprejja t-taħlita fuq ir-rimijiet u imsaħ b’ċarruta xotta.
  • Ħejji taħlita magħquda ta’ baking soda u ilma. Uża brush biex tpoġġiha fuq it-tajers tal-karozza. Wara aħsel bl-ilma biex taqla’ l-ħmieġ li jinġema’.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com