X’ġara wara li l-Iżvizzera rebħet il-Eurovision? Ara minn hawn
Ilbieraħ kienet is-serata mistennija wara ġurnata ta’ kontroversja wara l-oħra…
- L-ewwel ġie skwalifikat il-kantant tal-Olanda wara xi inċident li l-EBU għamlet ġurnata tinvestiga.
- L-Irlanda rrappurtat lill-Iżrael fosthom minħabba diversi kummenti omofobiċi mill-preżentaturi Iżraeljani fil-konfront tal-artista mill-Irlanda.
- Diversi persuni minn pajjiżi differenti li kienu se jaqraw il-punti tal-ġurija għall-pajjiż tagħhom jirrifjutaw li jagħmlu dan qalb il-kontroversi politiċi.
- Ħafna mill-kantanti jieħdu l-opportunità biex jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-bżonn ta’ aktar imħabba u paċi fid-dinja eżatt malli jtemmu l-kanzunetta tagħhom.
- Kull darba li fetaħ ħalqu Martin Osterdahl, is-superviżur eżekuttiv tal-Eurovision Broadcasting Union, il-folla nfexxet f’għanja waħda ta’ “boooooo!”
- Matt Black inqabad ħa jibda jiekol banana qabel ma jibda jagħti l-punti tal-ġurija Maltija.
- Il-ġurija Maltija tkun l-ewwel waħda li tagħti 3 punti lill-Iżrael minkejja l-kontroversja dwar jekk il-pajjiż kellux ikun parti mill-festival jew le.
- L-Olanda tirrifjuta li tipparteċipa fil-parti finali u tagħti l-punti tal-ġurija tagħha live.
- Minkejja l-kontroversja, il-pubbliku jagħti t-tieni l-akbar ammont ta’ punti tiegħu lill-Iżrael b’total ta’ 323, 14-il punt biss inqas mill-Kroazja li ngħatat l-akbar ammont ta’ punti mill-pubbliku.
Insomma…jekk il-Eurovision ma kienx diġà festival li jħallik fuq ix-xwiek dak kollu li ġara lbieraħ serva eżatt biex jagħmel dan l-effett.
Wara dan kollu, l-Iżvizzera bil-kanzunetta The Code kantata mill-artist Nemo, rebħet il-Eurovision wara li rċeviet total ta’ 591 punt bejn televoting u ġurija. Nemo huwa l-ewwel artista non-binary li qatt irnexxielu jirbaħ il-festival tant magħruf. Apparti minn hekk, l-Iżvizzera ilha ma tirbaħ il-Eurovision mill-1988 meta kienet rebħet rappreżentata mill-kantanta ta’ fama modjali, Celine Dion.
Iżda x’ġara wara r-rebħa tal-Iżvizzera? Wara li tkantat il-kanzunetta The Code, l-artista, Nemo spiċċa sabiex kisser it-trofew malli pprova jpoġġieh mal-art. Ngħiduha kif inhi, trofew li jingħata lil kantant rebbieħ f’mument daqshekk emozzjonanti, għandu jkun tal-ħġieġ? Forsi xi ħaġa oħra li għandhom jaħsbu ftit dwarha dawk tal-EBU.