X’jagħmel il-“bad boys” daqshekk irreżistibbli?
Żgur li Kyannah tat-tieni staġun ta’ Love Island ma kinitx l-ewwel tfajla li smajtu tgħid li tixtieq bad boy. Tajjeb li ngħidu wkoll li mhux biss it-tfajliet ta’ din l-età jsibuha diffiċli jirreżistu l-bad boys imma anke nisa ikbar fl-età. Iżda, minn fejn ġejja din l-attrazzjoni kollha?
Jista’ jkun li fil-films il-bad boys ġew wisq romantiċizzati? Spiss jiġu mpinġija bħala nies ribellużi li s-soċjetà ma tifhimhomx, imma jkollhom qalb tad-deheb. Forsi waħda mir-raġunijiet għalfejn it-tfajliet ifittxu dawn it-tip ta’ ġuvintur hija għaliex togħġobhom l-idea li jkunu huma li jirnexxielhom jikxfu dik il-qoxra iebsa u joħorġu s-sensittività li hemm moħbija taħt dik l-attitudni ribelluża.
Fattur ieħor li jixpruna l-ġibda lejn il-bad boys huwa bla dubju l-livell ta’ kunfidenza fihom infushom. Il-mod ta’ kif iġibu ruħhom u jippreżentaw lilhom infushom jiġbdu l-attenzjoni kull fejn imorru. Din it-tip ta’ awra tista’ tkun intossikanti u sinjal ta’ eċċitament u avventura. Kważi kważi jistgħu ma jkunux l-isbaħ irġiel fuq wiċċ id-dinja, imma l-attitudni tagħhom tkun wisq attraenti.
Il-bad boys jġorru magħhom ukoll sens ta’ imprevedibblità li żżidlek l-adrenalina għaliex ma tkunx taf x’għaddej minn moħħhom u x’se jkun il-pass li jmiss. Barra minn hekk, ħafna mid-drabi dawn ikunu rġiel li ma jibżgħu minn xejn. Allura, bla ma trid, mara se tħossha iktar sigura fil-preżenza ta’ xi ħadd li lest li jiddefendiha b’ruħu u ġismu.
U issa li semmejna l-ġisem, kif jgħidu li l-ewwel ma tolqot hija l-għajn. Minkejja li mhux kull bad boy jidher l-istess, hemm xi karatteristiċi li huma tipiċi. Ġeneralment, dawn ikollhom ix-xagħar, leħja, tpinġija, dawk id-daqsxejn ta’ muskoli mqabbżin u ħarsa li twaqqgħek. Mhux ta’ b’xejn xi parir bħal “sabiħ imma m’għandekx xi tridu, ma fihx ħobż”, minn widna jidħol u mill-oħra joħroġ.