4 ritwali li jgħinuk traqqad lit-tfal bl-inqas stress possibli
4 ritwali li jgħinuk traqqad it-tfal bl-inqas stress possibli
Hemm ħafna ġenituri li malli jersaq il-lejl jieħdu qatgħa. Kemm-il darba tisma’ b’xi familji jgħidu x’keddha jagħtuhom uliedhom xħin ikun sar il-ħin biex dawn imorru jorqdu. Madanakollu bi ftit paċenzja u b’rutina tajba, anke l-aktar tfal qliel jistgħu jitgħallmu jorqdu b’mod seren u jgawdu minn raqda tajba.
Meta t-tfal jimxu ma’ rutina b’mod kostanti, dan jgħinhom biex jirrilassaw u jħejju ruħhom tajjeb għall-irqad. X’inhuma l-aħjar strateġiji li wieħed għandu jadotta. Il-pedjatra Taljan Ferrando jagħti l-pariri tiegħu fuq dan l-argument.
- Il-qari ta’ ktieb
Dan huwa ritwal mill-aktar validi. Ikun tajjeb li lit-tfal tinqralhom storja b’vuċi għolja anke billi jintgħażel mument specifiku, bħal ngħidu aħna wara il-ħasla ta’ filgħaxija jew anke wara l-ikel. B’dan il-mod, it-tifel ikun jaf x’qed jistenna u l-fatt li jkun jista’ jikkonferma x’ser jiġi minn mument għall-ieħor, jagħtih ċertu serħan il-moħħ. Importanti li d-drawwa tibqa’ tinżamm.
- Is- smigħ ta’ mużika
Xi naqra mużika u ftit kan ukoll jgħinu biex joħolqu atmosfera rilassanti. Melodija kalma tiggarantixxi pjaċir u jbaxxi l-livell tal-cortisol, jew aħjar il-hormone li jnaqqas l-istress u jgħolli l-endorfina. Dan kollu jseħħ ukoll meta jkunu l-ġenituri li jkantaw lit-tfal tagħhom.
- Il-banju
Peress li l-ħasla għandha effett rilassanti, il-pedjatra jissuġġerixxi illi l-ħasla tat-tifel issir filgħaxija għaliex proprju f’dak il-ħin ikollu ċans ineħħi minn fuqu l-piż tal-ġurnata, iħossu mfissed u maħbub u jlesti lilu nnifsu għar-raqda. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek iqumu iktar fuq tagħhom wara l-banju, allura jaqbel li dan isir ftit iktar kmieni mal-ġurnata.
- Oġġetti tranżitorji
Mar-raba’ u l-ħames xahar, huwa komuni li biex il-wild jirnexxielu jnaqqas mill-iskumdità, jagħżel xi oġġett li b’xi mod tiżgurah li huwa sigur jew li anke tagħtih sens ta’ wens. Dan jista’ jkun xi soft-toy jew xi biċċa. Dan l-oġġett jservi ta’ wens u li b’xi mod jagħti sens ta’ serenità, tant li lit-tarbija tgħinha waqt dawk il-ftit mumenti li tissepara ruħha minn mal-omm jew tkun waħedha. Dan ikun parti mill-ewwel mumenti f’ħajjet it-tarbija fejn hija tħoss li għandha xi ħaġa tagħha. Huwa tajjeb li dak li jkun ma jisforzax it-tarbija tabbanduna dan l-oġġett. Kif qed ngħidu, dan ikun għaliha oġġett tranżitorju u għaldaqstant ikun abbinat biss ma’ fażi partikolari tat-trobbija. Eventwalment, maż-żmien dan l-oġġett jitlef il-valur tiegħu u allura anke t-tifsira tiegħu.
Caption – Meta t-tfal jimxu ma’ rutina b’mod kostanti, dan jgħinhom biex jirrilassaw u jħejju ruħhom tajjeb għall-irqad.