5 raġunijiet għaliex it-tin huwa tajjeb għas-saħħa
Minkejja li t-tin huwa l-aktar magħruf lejn tmiem is-sajf, hawn diversi siġar tat-tin li jagħmlu l-frotta tagħhom propju f’dan iż-żmien. It-tin huwa verament sostanzjuż u meta tintegrah fid-dietà tiegħek ta’ kuljum tkun qed tgħin diversi funzjonijiet tal-ġisem. Kif?
- Tippromwovi s-saħħa diġestiva – ħafna drabi, it-tin jiġi rrakkomandat lil dawk li għandhom bżonn jirregolaw lill-intestini. Minħabba li għandu livell għoli ta’ fibra, huwa magħruf ukoll bħala lassattiv naturali. Fih ukoll diversi propjetajiet probijotiċi li jissuplixxu l-batteri tajbin lill-imsaren.
- Għandhom ħafna antiossidanti – it-tin, partikolarment dak ftit misjur, fih il-polifenol. Dan jgħin sabiex l-ossiġnu ma jirreaġġix ma’ kimiċi oħrajn u ma jikkawżax danni liċ-ċelloli. Allura, jgħin fil-funzjoni tal-ossiġnu fil-ġisem.
- Jista’ jgħin fejn tidħol il-pressjoni tad-demm – meta nieklu ikel li fih ħafna melħ (sodium), nistgħu nikkawżaw defiċenza fejn jidħol il-potassju. Dan jista’ jwassal għal pressjoni għolja. Studju partikolari li kien sar fuq l-annimali kien sab li meta jieklu t-tin tonqos il-pressjoni tad-demm.
- Jista’ jgħin fejn tidħol is-saħħa tal-għadam – fit-tin se ssib diversi minerali li jgħinu fejn tidħol is-saħħa tal-għadam bħal kalċju, manjeżju u fosfru. Fihom ukoll il-potassju li jgħin sabiex iżomm il-kalċju fl-għadam.
- Jista’ jgħin biex tieħu ħsieb il-piż tiegħek – minħabba li fihom ħafna vitamini u minerali, huma ingredjent tajjeb ħafna għad-dietà u jgħinu fejn jidħol il-kontroll tal-piż ta’ persuna. Meta tiekol it-tin, dan jgħinek tħossok mimli aktar fit-tul u jnaqqas il-bżonn li tiekol b’mod frekwenti.