6 kantanti Maltin tal-passat li għandna bżonn kanzunetti ġodda mingħandhom!
Fid-dinja tal-mużika, huwa importanti li tħares il-quddiem u lejn it-talent tal-preżent, madanakollu, wieħed qatt ma jista’ jinsa t-talent tal-passat. Dak li ħafna drabi serva ta’ ispirazzjoni għall-artisti li għandna llum. Malta mhix nieqsa mit-talent mużikali, u għalkemm aħna żgħar, hemm diversi persuni li rnexxielhom jagħmlu suċċess mużikali f’pajjiżna, u oħrajn anke barra minn xtutna.
Dawn t’hawn taħt, żgur jafhom kulħadd u li kieku kellhom joħorġu kanzunetta oħra llum, ninsabu ċerti li kulħadd se jkun irid jismagħha!
1. Il-grupp The Tramps
Il-grupp famuż għal kanzunetti li saru parti essenzjali mill-kultura mużikali ta’ pajjiżna bħal “Xemx” u “Inti Djamant”.
2. Il-kantant Sammy Bartolo
Magħruf prinċipalment għall-kanzunetta tiegħu “L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel” li ħarġet lura fl-1997 u saħħret tant kantanti, kif ukoll il-kanzunetta “Il-Bajja tal-Mellieħa”. Sal-lum diversi artisti kurrenti għadhom ikantaw u jdoqqu l-verżjoni tagħhom ta’ dawn il-kanzunetti.
3. Il-grupp The Greenfields
Il-grupp magħruf għall-kanzunetta “Il-Karozzin” u l-istil mużikali tant ferrieħi tagħhom. Dawn dejjem kienu jlissnu tbissma fuq wiċċ kull min jisma’ l-mużika tagħhom.
4. Il-grupp The Malta Bums
Jekk smajtu bil-kanzunetta “L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt” mela żgur smajtu bil-grupp The Malta Bums. Kanzunetta li tfakkarna f’dawk tal-king tar-Rock & Roll, Elvis Presley u l-istil ta’ lirika tiegħu.
5. Il-kantanta Mary Rose Mallia
Il-kanzunetta ferriħija tagħha li sal-lum għadha fuq fomm kulħadd meta tasal kull tip ta’ festa, u infatti ġġib propju dan l-isem: “Festa”.
6. Il-kantanta Claudette Busuttil
Minkejja li llum il-ġurnata, Claudette daħlet fil-politika, ħadd minnha ma jista’ jneħħi minn moħħu l-kanzunetta tagħha li sal-lum għadha tindaqq f’diversi parties u tiġijiet. Xi tgħidu li kienu Claudette ikollha toħroġ xi verżjoni ġdida ta’ “Desire”?
Hemm xi gruppi jew artisti oħrajn li tixtiequ li jirritornaw b’xi kanzunetta ġdida? Għidulna fil-kummenti!