“Ajma xi ħruq!”…dawn huma l-bram li tista’ tiltaqa’ magħhom f’Malta
Kemm hu sabiħ il-baħar hux vera? Dan il-kliem tgħidu sakemm tlaqqat xi brama u tispiċċa toħroġ twaħwaħ bil-ħruq mill-ilma. Ovvjament, din mhix xi ħaġa li se tiġrilek kull darba li tmur il-baħar, iżda hija possibilità u allura huwa importanti li tiffamiljarizza ruħek ma’ dawn il-kreaturi li jinsabu fl-ibħra Maltin. Hawn taħt se ssib lista ta’ bram li tista’ ssib fl-ibħra Maltin hekk kif ippubblikati mill-Esplora.
Il-mauve stinger (il-brama l-vjola)
Din hija l-aktar brama komuni f’Malta, bil-kulur vjola/roża li jiddistingwiha. Din it-tip ta’ brama tirritalek il-ġilda meta tolqtok. Sabiex tnaqqas il-ħruq u t-tingiż għandek taħsel il-parti tal-ġilda rritata bl-ilma baħar, imbagħad tapplika taħlita ta’ baking soda u ilma baħar.
Il-Compass Jellyfish
Din it-tip ta’ brama jisimha hekk għax tidher propju bħal kumpass. Din il-brama tipikament safra bis-sinjali kannella isibha l-aktar fir-Rebbiegħa. Jekk tolqtok, għandek tuża’ l-istess metodu tal-mauve stinger.
Il-Fried Egg Jellyfish
Din it-tip ta’ brama ssibha aktar lejn l-aħħar tas-sajf u ġġib l-isem tagħha mill-fatt li tidher propja bħal bajda moqlija! Din it-tip ta’ brama mhix perikoluża u jekk tolqtok l-irritazzjoni hija minima ħafna.
Il-By-the-wind Sailor
Din il-brama hija blu u tiggalleġġja fuq l-ilma. Huma bram aktar komuni fix-xitwa u r-rebbiegħa u t-tingiża tagħhom hija minima.
L-Upside-Down Jellyfish
Din il-brama ġġib l-isem tagħha propju mill-fatt li hi rasha l-isfel. Din il-brama tkun iktar viċin il-qiegħ u faċilment taħsibha pjanta. Madanakollu wieħed jista’ jiddistingwiha mit-tentakli blu tagħha. Din it-tip ta’ brama mhix normali li ssibha fl-ibħra Maltin, iżda milli jidher, fl-aħħar snin tfaċċat aktar minn darba.
L-Australian Spotted Jellyfish
Din it-tip ta’ brama wkoll mhix tipika fl-ibħra Maltin, iżda lura fl-2016 kien hemm rapporti ta’ persuni li ltaqgħu magħha. Hi għandha forma ta’ qanpiena u għandha velenu dgħajjef ħafna.
Il-Portuguese Man of War
Wieħed jista’ jitħawwadha mal-By-the-Wind Sailor, iżda niggarantulkom li jekk tolqtok din jew l-oħra, id-differenza se tħossha. Din tant għandha velenu b’saħħtu, li anke jekk tkun mejta tista’ tkun perikoluża għal diversi ġranet. Jekk tmiss brama tat-tip, bħala trattament immedjat għandek tlaħlaħ il-parti bl-ilma baħar mingħajr ma tgħorokha, tuża karta tal-plastic biex tneħħi xi tentakli li jistgħu jkunu għadhom maqbudin mal-ġilda u tapplika hot pack fuq il-parti għal 20 minuta.