“Ajma xi tfaqqa’ rkoppti!”…Ġej l-inkwiet?
Diversi esperti jgħidu li dak li jkun m’għandux jinkwieta jekk irkopptejh ifaqqgħu meta jgħola wara li jkun f’pożizzjoni baxxa. Din hija xi ħaġa komuni li tiġri aktar kemm navvanzaw fiż-żmien. Iżda x’jikkawża dan it-tfaqqiegħ u meta għandek taħseb biex titlob il-parir ta’ professjonista?
Il-maġġoranza tal-ħsejjes li jiġu mill-irkoppa m’għandhomx iħassbuk jekk ma jkunux akkumpanjati minn uġigħ jew inkellha limitazzjoni fuq il-funzjoni u l-moviment tal-irkoppa. Skond kirurgi ortopediċi, kawża primarja ta’ dawn il-ħsejjes ġejja wara li jinħoloq vakum bejn żewġ għadmiet u l-moviment li tagħmel jeliminah u jikkrea dak il-ħoss. Raġuni oħra tista’ tkun meta l-għadma tal-irkoppa tħokk mal-għadma tal-koxxa u tolqot it-tarf tagħha. Hemm ukoll dak li jgħiduli Crepitus, li jwassal sabiex l-irkoppa tfaqqa’ wara li l-qarquċa ta’ bejn l-għadam tidgħajjef u l-għadam jibdew iħokku ma’ xulxin. Din hija aktar komuni f’persuni li għandhom l-artrite u mhux neċessarjament tkun akkumpanjata minn uġigħ.
Allura wieħed jistaqsi, meta għandek tara tabib? Jekk l-irkoppa qed tagħmel ħsejjes strambi li huma akkumpanjati minn uġigħ, nefħa, għebusija jew nuqqas ta’ stabbiltà, dan jista’ jkun sinjal ta’ problema aktar serja bħal qtugħ fil-menisku, dannu fil-qarquċ jew kundizzjoni li ġġib l-isem ta’ avascular necrosis, fejn l-għadma ma tkunx qed tirċievi biżżejjed demm u tibda tmut. F’dan il-każ, għandek tara li tmur tkellem tabib u tagħmel il-kontrolli kollha neċessarji.
Sabiex iżżomm l-irkoppa b’saħħitha, għandek tara li tagħmel eżerċizzju bħal ċikliżmu, għawn, ġiri u mixi. Dawn l-eżerċizzji huma tajbin sabiex isaħħu l-funzjoni tal-irkoppa filwaqt li jnaqqsu wkoll l-uġigħ li ġej mill-artrite.