Ara films klassiċi bis-sehem ta’ xi protagonisti li ħadmu fihom waqt il-Mediterrane Film Festival

 Ara films klassiċi bis-sehem ta’ xi protagonisti li ħadmu fihom waqt il-Mediterrane Film Festival

Għal dawk dilettanti tal-films, u oħrajn li jaraw film darba kultant, ċerti films jibqgħu fil-memorja tagħhom għal ħafna u ħafna snin. Jista’ jkun għaliex l-istorja tkun laqtithom, jew għax ikun impressjonahom is-sett jew xi xeni partikolari minn dak il-film. Films li ma jmutu qatt, klassiċi, illi tarahom kemm tarahom ma tixba qatt. Films illi kull meta tisma’ bihom iġibulek nostalġija.

Fost il-films klassiċi li qed jintwerew waqt dan il-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena, insibu dawn it-tlieta:

  1. Avatar – Film li kien ħareġ mill-pinna tal-Kanadiż James Cameron, l-istess persuna illi iddiriġa dan il-film. Minbarra s-sensiela ta’ films Avatar, James Cameron kien ukoll direttur ta’ films illi wkoll baqgħu jissemmew bħal Terminator u Titanic. Avatar, bi produzzjoni ta’ 20th Century, huwa l-ewwel minn din is-sensiela ta’ films ta’ fantaxjenza, li kien ħareġ fl-2009. Ta’ min isemmi illi l-film Avatar kellu budget ta’ $237 miljun. Kien suċċess enormi, tant illi daħħal qrib it-$3 biljun. Avatar ser jintwera fil-Forti Sant Iermu nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ġunju fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.
  2. Gladiator – film klassiku ieħor illi partijiet sew minnu inħadmu f’pajjiżna. Film ta’ żmien il-gladjaturi Rumani, maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Ridley Scott. Dan il-film illi huwa twil ftit aktar minn sagħtejn u nofs kien beda jintwera fis-sena 2000 u kellu budget ta’ aktar minn $100 miljun. Fost l-atturi illi kienu protagonsiti fi Gladiator insibu lil Russell Crowe, Joaquin Phoenix, Connie Nielsen u Oliver Reed. Ta’ min jgħid illi Reed kien miet b’attakk f’qalbu f’Malta stess waqt il-ġbid ta’ dan il-film, ftit wara li kien qiegħed f’bar il-Belt. Dan il-film ser jintwera nhar it-Tnejn 24 ta’ Ġunju fit-8:30pm, ukoll f’ Sant Iermu, il-Belt, u fi tmiemu se ssir Q&A mal-protagonista Connie Nielson li tinsab f’Malta bħalissa ghall-festival.
  3. Juarassic World Dominion – dan il-film kien ħareġ sentejn ilu, u huwa twil madwar 150 minuta. Inħadem fl-Istati Uniti tal-Amerika taħt id-direzzjoni ta’ Colin Trevorrow. Storja illi turina l-umani u d-dinosawri flimkien. Dan il-film ser jintwera nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt fejn se ssir Q&A ma’ Trevorrow stess fi tmiem il-film.

Anki jekk diġà segwejt dawn il-films fil-passat, żgur mhux ser tiddejjaq terġa’ tarahom, aktar u aktar f’ambjent differenti mis-soltu waqt il-Mediterrane Film Festival.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com