Ara x’ inhuma l-benefiċċji tal-birra u l-inbid
Issa li dħalna fl-istaġun tas-sajf nafu li l-ġurnata twalet u għalhekk ikollna iktar ħin biex nissoċjalizzaw u niddevertu b’modi differenti mal-familjari u l-ħbieb.
Waħda mill-attivitajiet l-aktar għal qalbna l-Maltin hija dik li norganizzaw barbeques jew ikliet f’xi ristorant li jservi ikel Malti. Il-barbeques nagħmluhom spiss ħdejn il-baħar fejn huwa permess mil-liġi, jew anki fuq il-bjut tagħna, għal min għandu wieħed. Arana nixwu l-laħam ta’ tipi differenti, imma żgur li dan jinżel għasel jew ma’ birra kiesħa jew inkella ma’ xi tazza nbid abjad jew aħmar, skont l-okkażjoni. L-istess iseħħ waqt xi ikla fir-ristorant.
Hawn ta’ min wieħed jistaqsi liema jagħmlu l-iktar ħsara, jekk hux il-birra jew l-inbid? L-ewwel nett niftakru li l-alkoħol u s-saħħa – u anki s-sewqan – ma tantx imorru tajjeb flimkien u li l-konsum ikkontrollat tagħhom huwa għażla raġunevoli.
L-inbid huwa l-aħjar għażla. Dan għax il-konsum tal-birra u xorb alkoħoliku ieħor iġib miegħu livelli ogħla ta’ xaħam vixxerali u dan skont it-tobba jżid ir-riskju tal-iżvilupp ta’ mard tal-qalb u kumplikazzjonijiet oħrajn. X’inhu x-xaħam vixxerali? Huwa tip ta’ tessut xejn affidabbli li jiċċirkonda l-organi addominali u huwa iktar diffiċli biex teħles minnu.
Minkejja dan hemm min isostni li l-birra ma tħallix lid-demm jagħqad fil-vini jew l-arterji li jwasslu għall-moħħ, l-għonq jew il-qalb. Bis-saħħa tal-preżenza tal-magnesju u l-potassju l-birra tgħin lill-kliewi jaqdu l-funzjoni tagħhom ta’ kuljum.
L-inbid min-naħa tiegħu ma jikkontribwixxix għaż-żieda ta’ dan ix-xaħam vixxerali fil-ġisem, anzi jidher li joffri ċerti benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem. L-inbid aħmar għandu l-polifenoli li jtejbu d-diġestjoni, is-saħħa tal-moħħ, u jipproteġu kontra l-mard tal-qalb. Min-naħa l-oħra, il-konsum tal-inbid abjad jintrabat ma’ għadam iktar b’saħħithom. Però, dan iseħħ dejjem jekk jinxtorob fi kwantitajiet kontrollati.
Xi studjużi skoprew li anki jekk tieħu tazza waħda ta’ alkoħol taf iċċekkinlek moħħok, mentri oħrajn jgħidu li l-konsum kontrollat tal-inbid għandu benefiċċji, fosthom titjib tas-saħħa tal-intestini u anki tnaqqis tar-riskju li taqbdek id-dijabete.
Kollox ma’ kollox niftakru li hemm ukoll is-saħħa psikoloġika. Ingawdu l-birra u l-inbid, basta bil-qies.