Attrazzjonijiet turistiċi li jdejqu lit-turisti
It-turiżmu sikkina taqta’ minn żewġ naħat: sors ta’ dħul finanzjarju għan-nies u l-pajjiż u problema ta’ ffullar, problemi ambjentali, tnaqqir tal-ħajja soċjali u diġenerazzjoni tal-kwalità tal-ħajja.
Hawnhekk ħejjejna lista ta’ postijiet li fihom it-turiżmu mhux iħalli effetti daqstant sbieħ.
- Venezja, l-Italja: Magħrufa għall-kanali u l-bini storiku fuq l-ilma. It-turisti joħonqu t-toroq u l-infrastruttura; qed tbati s-sistema tal-kanali. Il-prezz tal-propjetà tiela’ u żdiedet l-għoli tal-ħajja.
- Barċellona, Spanja: Il-kultura, il-bajjiet u l-arkitettura jiġbdu t-turisti. Biss, qed jirrenja l-istorbju fiż-żoni residenzjali u l-propjetà għoliet. L-isfrastruttura u s-servizzi ħadu daqqa ta’ ħarta.
- Dubrovnik, il-Kroazja: Belt pittoreska li tħaddan bini Medjevali. Mindu sar Game of Thrones hemm, it-turiżmu żdied u l-belt imtliet tant li s-siti storiċi qed jitmermru. Ir-residenti qed isofru l-għoli tal-ħajja.
- Amsterdam, l-Olanda: Il-kultura ħielsa, il-mużewijiet u l-kanali huma sinonimi mal-belt. Gruppi ta’ turisti qed ixekklu ż-żoni residenzjali. Is-suq tal-propjetà qed ibati. It-tniġġis qed jaffettwa l-ambjent.
- Santorini, il-Greċja: Sinonima mal-bini abjad bi ħjiel blu u l-veduti meravilja. Peress li din gżira żgħira, tbati bl-iffullar u l-isfrastruttura lokali tħoss l-effett. L-użu tal-ilma u ż-żibel qed jikkawżaw diġenerazzjoni ambejntali.
- Kyoto, il-Ġappun: It-turisti jridu jaraw it-tempji, id-djar tradizzjonali u d-distretti storiċi. B’xorti ħażina, ir-residenti spiċċaw skomdi u l-postijiet l-iktar popolari jkunu mifqugħin bin-nies. Fl-aħħar snin kien hemm ħsarat f’siti storiċi u kulturali.
- L-Iżlanda: Post il-ġmiel b’xenarji naturali uniċi! L-impatt ta’ ħafna turisti qed jikkawża żbilanċ fl-ekosistemi naturali, iffullar ta’ postijiet popolari u problemi fl-isfrastruttura u s-servizzi.
- Il-Muntanja Everest, in-Nepal: Ħafna jfittxu l-avventura biex jilħqu l-ogħla quċċata. Iż-żibel qed iħalli effetti ambejntali negattivi. L-iffullar huwa ta’ periklu għall-viżitaturi. Il-komunitajiet fl-inħawi qed jesperjenzaw problemi ta’ riżorsi.