Bżieżaq mimlijin biż-żibel mibgħuta minn fuq għal isfel
Għal snin sħaħ dawk li rnexxielhom jaħarbu mill-Korea ta’ Fuq u sabu rifuġju fil-Korea t’Isfel ilhom jingħaqdu flimkien u jibagħtu lejn il-pajjiż li ħallew warajhom bżieżaq kbar li jġorru fuljetti propagandistiċi, USBijiet b’tagħrif u rapporti dwar il-vjolazzjoni tad-drittijiet umani u l-kundanni min-naħa tal-komunità internazzjonali tar-reġim ta’ Kim Jong-un, u dan bit-tama li l-popolazzjoni Nordista tiftaħ għajnejha dwar kif taħsibha verament id-dinja ħielsa rigward id-Dinastija ta’ Kim.
Xi drabi mill-Korea t’Isfel jaslu wkoll DVDs bil-kanzunetti tal-kantanti magħrufin tal-K-Pop, bit-tama li l-“mużika ribelli” tintogħġob mis-sudditi ta’ Kim Jong-un.
Imma l-propaganda ta’ Kim Jong-un ħadet din il-gwerra pass lil hinn, b’azzjoni deskritta mill-awtoritajiet tal-Korea t’Isfel bħala mhux biss perikoluża imma anki vulgari. X’għamel Kim Jong-un? Bħala tweġiba għall-inkurżjoni ta’ ajruplani Sud Koreani fiż-żona demilitarizzata bejn in-Nord u s-Sud, li l-Marexxall Kim iddeskriva bħala “oġġetti maħmuġin”, il-Korea ta’ Fuq bagħtet mijiet ta’ bżieżaq lejn il-Korea t’Isfel mimlijin biż-żibel.
Għall-ewwel l-awtoritajiet tal-Korea t’Isfel avżaw liċ-ċittadini biex la jersqu u lanqas jiftħu dawn il-boroż għax ħasbu li setgħu jkunu mimlijin b’xi sustanza kimika, batterjoloġika jew nukleari perikoluża, jew iġorru xi esplossiv. Imma meta waslu l-esperti u flew il-kontenut tal-bżieżaq sabu li kienu mimlijin bi fliexken tal-plastik u batteriji użati, pettijiet taż-żraben bħala sinjal ta’ disprezz, u anki eskrementi tal-bniedem u tal-annimali.
Il-bżieżaq bil-kontenut tagħhom ivvjaġġjaw għal mijiet ta’ kilometri u waqgħu fuq tmienja mid-disa’ provinċji li jiffurmaw il-Korea t’Isfel. Bosta minnhom waqgħu f’żoni differenti, fl-ibliet u fil-kampanja, anki fil-belt kapitali ta’ Seul, saħansitra ħafna iktar lejn is-sud, sal-provinċja ta’ Gyeongsang.
Il-messaġġ li kien bagħat ftit jiem qabel il-Ministru tad-Difiża tal-Korea ta’ Fuq – “Nidfnu lill-Korea t’Isfel fiż-żibel” – ma kienx metaforiku, imma letterali mija fil-mija!
Li hu żgur hu li Kim bħal donnu fakkar fil-fatt li d-dinja kapitalista u materjalista ilha deċennji sħaħ tgħarraq lill-pjaneta tagħna fiż-żibel!