Dak iz-zokk li ma kienx zokk
Timmaġinak tkun qed togħdos x’imkien qrib il-kosta u tiltaqa’ ma’ zokk ta’ siġra oħxon mgħarraq fil-qiegħ, imma meta ttellgħu fil-wiċċ u tiflih sewwa tinduna li huwa xi ħaġa ħafna iktar prezzjuża? Hekk ġralu bugħaddas li kien qed jogħdos f’qiegħ il-baħar fil-Golf tal-Florida fl-Istati Uniti fil-bidu ta’ April li għadda.
Alex Lundberg, għaddas li jfittex il fossili, ħa sorpriża kbira meta analizza sewwa dak li kellu quddiemu u sab li kienet parti minn sinna ta’ mastodont, annimal estint li hu l-bużbużbużbużbużnannu tal-iljunfant modern. Is-sinna hija twila 120 centimetru u tiżen mal- 31 kilogramma, u Lundberg sabħa nofsha moħbija fir-ramel f’fond ta’ kważi 8 metri, ħdejn Venice, fi Florida.
Lundberg u sieħbu bugħassas ieħor huma mdorrijin isibu fossili differenti fl-istess żona. Fil-passat huma sabu snien tal-mammut, għadam ta’ ġagwar li għex sekli twal ilu, u anki partijiet ta’ dak li l-Ingliżi jsejħulu direwolf, jew lupu ta’ kobor mhux normali. Kienu sabu anki biċċiet ħafna iżgħar ta’ snien tal-mastodont, imma xejn ta’ dan il-qies!
Il-mastodonti huma relatati mal-mammut u mal-iljunfanti tal-preżent. Skont ix-xjentisti għexu mat-23 miljun sena ilu fl-Amerika ta’ Fuq, imma spiċċaw fix-xejn u ġew estinti ma’ bosta mammali kbar oħrajn daqs 10 elef sena ilu meta l-klima tad-dinja bdiet tinbidel malajr u l-bniedem ta’ Żmien il-Ħaġar kien jikkaċċjahom.
Il-fdalijiet tal-mastodonti jinsabu għall-wirja ħdejn il-ħofor tal qatran ta’ La Brea f’Los Angeles, post importanti mimli fossili ta’ epoki mbegħdin fiż-żmien. Skont il-liġi ta’ Florida il-fossili ta’ annimali li għandhom ix-xewka tad-dahar, jew vertebrati, li jinstabu fl-artijiet tal-istat, inkużi l-ibħra qrib il-kosta, huma proprjetà tal-istat u jaqgħu taħt l-awtorità tal-Mużew tal-Istorja Naturali tal-Florida.
Fl-2019 Lundberg kiseb il-liċenzja li tippermettilu jiġbor dawn il-fossili u jrid jirrapporta s-sejba ġdida tiegħu lill-Mużew konċernat sa Diċembru 2024 meta jrid jirrinova l-liċenzja.
Xogħol il-Mużew hu li janalizza l-iskoperti u l-post fejn instabu biex jiddetermina l-valur tagħhom. Min isibhom jista’ jżommhom biss jekk il-Mużew ma jitlobhomx sa 60 jum wara li jiġu rrappurtati.
Is-sajf magħna! Waqt li tkunu qed togħdsu iftħu għajnejkom sewwa!
(Sors: independent.co.uk)