Daqshekk kirjiet għat-turisti!
Smajt li s-sindku ta’ Barċellona, Jaume Collboni, ħabbar pjan biex iwaqqaf il-kirjiet qosra għat-turisti?
Hemm tħassib għax Barċellona ilha snin bi kriżi ta’ nuqqas ta’ propjetà disponibbli. Il-kirjiet qosra qed iħalli impatt negattiv fuq il-belt. Il-politiċi qed iwaħħlu fit-turiżmu u l-ħaddiema barranin peress li saret hub tat-teknoloġija.
Collboni qal li l-pjan hu li ma jġeddux 10,101 liċenzja turistika fladarba jiskadu fl-2028. B’hekk, propjetajiet mikrijin ikunu disponibbli għar-residenti ta’ Barċellona. Qal li l-propjetà saret għalja għax il-prezz tal-kirjiet żdied b’70% fl-aħħar għaxar snin.
Ma naqsitx il-kritika. Bosta qalu s-sindku falla fil-qasam tal-propjetà jew li l-awtoritajiet se jimponu bħalma jsir f’dittatorjat. L-Assoċjazzjoni tal-Appartamenti Turistiċi ta’ Barċellona qalet li l-appartamenti xorta se jispiċċaw jinkrew lit-turisti illegalment.
Barċellona mhijiex każ iżolat fejn hemm tħassib fuq il-propjetajiet u prezzhom. F’Malta stess, ħafna ilhom snin jilmentaw li l-prezzijiet tal-propjetà għolew u, kulma jmur, l-ispazju qed jonqos.
Fil-fatt, statistika tas-sena l-oħra tikxef li mill-2017 sal-2023 il-prezz tal-propjetà żdied b’medja ta’ 40%. Stħarriġ ieħor juri li l-maġġoranza tan-nies ma jifilħux jixtru l-biċċa l-kbira tal-propjetà fuq is-suq. Il-kirjiet għolew u jnaqqru porzjon sew mis-salarju.
L-Istat tan-Nazzjon 2024 wera li l-għadd ta’ barranin f’Malta żdied b’20% tal-popolazzjoni fl-aħħar għaxar snin. L-istess stħarriġ juri li l-poplu maqsum fuq sehem il-barranin f’pajjiżna. Biss, it-turiżmu jidher l-iktar settur ekonomiku importanti għal Malta.
Taħseb li għandu jkun hemm xi ħaġa fuq l-istess linja għal Malta? X’jista’ jsir biex il-prezz tal-propjetajiet jistabilizza u ma jkomplix tiela’?