David Walliams b’attività għat-tfal b’risq Puttinu Cares il-Ġimgħa
Il-Mediterrane Film Festival ta’ din is-sena mhux biss offra opportunitajiet lill-pubbliku biex isegwi numru sabiħ ta’ films f’ambjenti differenti mis-soltu, imma qed jipprovdi wkoll sessjonijiet informattivi u edukattivi ppreżentati minn personalitajiet popolari fl-industrija tal-films, id-dinja tal-ispettaklu u kulturali.
Lil hinn minn hekk se ssir ukoll ‘The David Walliams Live Book Show’ mill-best-seller tas-Sunday Times ta’ Londra, David Walliams.
Magħruf bħala kummidjant, attur, u awtur, Walliams kiteb diversi xogħlijiet, fosthom sensiliet għall-BBC. Huwa wkoll wiċċ familjari mat-telespettaturi minħabba li għal għaxar snin kien membru tal-ġurija fis-sensiela Britain’s Got Talent kif ukoll fl-Australia’s Got Talent.
Bħala awtur, Walliams kiseb suċċess kbir, speċjalment bil-kotba għat-tfal, b’aktar minn 37 miljun kopja mibjugħa. Il-kotba tiegħu ġew tradotti f’aktar minn 50 lingwa, biex ikunu jistgħu jinqraw mit-tfal madwar id-dinja kollha.
Fost l-iktar kotba popolari tiegħu nsibu ‘Gangsta Granny’, ‘Mr Stink’, ‘Billionaire Boy’ u ‘Awful Auntie’. Dawn il-kotba huma maħbubin mit-tfal madwar id-dinja kollha u għamlu lil Walliams wieħed mill-aktar awturi ta’ suċċess fl-aħħar snin.
L-attività li fiha se jieħu sehem David Walliams se ssir nhar il-Ġimgħa, 28 ta’ Ġunju, fil-Forti Sant Iermu l-Belt Valletta, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija. Din l-attività, li hija parti mill-Mediterrane Film Festival, se tkun b’risq Puttinu Cares.
Għal biljett, ta’ €2 biss b’risq Puttinu Cares, żur is-sit: mediterrane.com