DAZI OGĦLA FUQ IL-KAROZZI ELETTRIĊI IMPORTATI MIĊ-ĊINA
Mill-4 ta’ Lulju 2024 jafu jidħlu in funzjoni dazi ogħla fuq karozzi elettriċi (EV) impurtati miċ-Ċina. Dawn id-dazi jafu jvarjaw bejn is-17.1% u t-38.1%. Hekk pereżempju, karozza li llum tiswa 30 elf euro taf togħla b’€5,250 b’dazju ta’ 17.1%, u b’€11,450 b’dazju ta’ 38.1%!
L-Unjoni Ewropea iddeċidiet hekk wara li ġie skopert li l-industrija tal-EVs fiċ-Ċina hija megħjuna mill-istat mill-a saż-żeta, jiġifieri mill-barrieri fejn jiġi estratt u prodott il-litju sal-prezzijiet tax-shipping tal-karozzi 100% elettriċi miċ-Ċina sa Rotterdam (Olanda) u Zeebrugge (Belġju). Din l-għajnuna finanzjarja min-naħa tal-istat Ċiniż qed tippermetti lill-vetturi elettriċi Ċiniżi biex jinbiegħu bi prezzijiet iktar baxxi minn dawk tal-produtturi tal-EVs rivali fuq livell globali.
Dan huwa parti mill-pjan ta’ Xi Jinping li jaħkem is-settur globali tal-green tech, li jinkludi wkoll pannelli solari, pompi li jsaħħnu u turbini tar-riħ.
L-ażjendi li se jintlaqtu l-iktar huma s-SAIC (li parti minnha huma l-MG u l-Volkswagon), il-Geely (proprjetarja tal-Volvo) u l-BYD (li tipproduċi tipproduċi karozzi bħad-Dolphin u s-Seal li daħlu fl-Ewropa s-sena li għaddiet).
L-UE qed issostni li l-mod kif qed jopera Xi Jinping qed iġiegħel it-tranżizzjoni mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew diesel għal dawk elettriċi timxi iktar bil-mod, meta l-Ewropa qed tippjana li twaqqaf il-bejgħ tal-karozzi li jaħdmu b’sistema ta’ kombustjoni interna fl-2035.
Dazji bħal dawn mhux biss se jirritaw biss liċ-Ċina – li tista’ tibda gwerra ekonomika kontra l-UE bħala konsegwenza -, imma anki lil pajjiżi bħall-Ġermanja li tesporta ħafna prodotti lejn iċ-Ċina u għalhekk tista’ tintlaqat ħażin ħafna ekonomikament. Apparti hekk, huma ħafna l-pajjiżi Ewropej li għandhom il-fabbriki tagħhom fiċ-Ċina, fosthom il-Ġermanja (Volkswagen u Smart), l-Iżvezja (bil-mudell Zeekr 001, u l-Volvo EX 30), Franza (bil-mudell Dacia Spring tal-Grupp Renault).
Ta’ min jgħid li bħalissa l-Ewropa tħaddem sistema ta’ 10% dazi fuq il-karozzi elettriċi importati miċ-Ċina, filwaqt li ċ-Ċina timponi 15% fuq l-istess kategorija ta’ karozzi importati mill-Ewropa.
Tgħid iż-żewġ naħat jaslu għal xi tip ta’ ftehim?