Dik il-bitħa tan-nanna!
Kulma kien spazju ta’ xi sitt metri bi tlieta li tasal għalih wara li tgħaddi mill-antiporta, is-salott, il-biċċa taħt it-taraġ fejn kien ikun hemm skrivanija żgħira, il-kamra tal-ikel, imbagħad il-kċina u fl-aħħar nett il-kamra l-baxxa, li kienet tkun parti mill-bitħa stess.
Il-bitħa tan-nanna min jaf kemm twieqi tiftaħ fil-memorja ta’ bosta minna li llum laħqu ċerta età. Kienet post trankwill fi żmien meta fuq wara tad-dar Maltija kien ikun hemm dat-tip ta’ btieħi jew ġonna usa’ ta’ djar akbar, mimlijin siġar tal-frott.
Il-bitħa tan-nanna min jaf kemm-il passata żebgħa qalgħet matul is-snin! Daqqa kulur aħdar ċar, daqqa kulur ċelesti, daqqa lewn krema. Ittiha kemm il-passata ttiha, wara ftit xhur il-wiċċ jerġa’ jibda jinqala’ minħabba l-umdità li kienet titla’ direttament mill-art, u b’hekk il-ħajt kien jispiċċa rqajja’ ta’ kuluri differenti donnu xi qalziet jew ġakketta mraqqgħin.
F’din il-bitħa kien ikun hemm ringiela jew iktar ta’ xkaffi mwaħħlin ma’ ħajt jew tnejn tagħha. Fuqha n-nanna kellha pjanti differenti. Fosthom niftakar l-ispider plant, il-galletta, l-istella maris u s-sardinella, il-pjanta tal-flus, tax-xuxa, ilsien in-nisa, il-coleus u l-wandering Jew, it-tnejn lewn vjola, l-aspidistra, ta’ San Ġużepp, apparti pjanti oħra li nużawhom għat-tisjir bħal dik tal-ħabaq, tan-nagħniegħ, tal-bużbież, u oħrajn.
Ta’ tfal li konna min jaf kemm-il siegħa għaddejna fil-bitħa tan-nanna, innaqqu l-weraq niexef, insaqqu, infittxu għall-bebbux li kien jeqridhom, u nbexxu kontra insetti partikolari. Fis-sajf in-nanna kienet titlobna ngħinuha nifirxu t-tinda ħadra f’għamla ta’ xibka jew xi liżar ċar użat biex nipproteġu lil dawn il-pjanti mir-raġġi qawwija tax-xemx.
Fil-bitħa kien ikun hemm ukoll xi cupboard żgħir tal-injam magħmul min-nannu. Fih kienu jitpoġġew bottijiet taż-żebgħa, pniezel ta’ qies differenti, xi kontenitur tal-pitrolju, għodda żgħar tal-biedja li bihom konna nqallbu l-ħamrija, inħawlu u niżirgħu.
Kollox kien mikxuf għas-sirġa tax-xemx, is-sirda tal-lejl, ix-xita u n-nida. Kollox kien jitqarqaċ wara ftit żmien, ibda mill-injam tal-ixkaffi li riedu manutenzjoni regolari, parti mill-gost tagħna bħala tfal.
Kemm tifkiriet! Kemm minna għadhom jistgħu jgawdu spazji bħal dawn illum?