Draguni, demm u semm…. Ikompli House of the Dragon
Kemm huma dawk f’Malta li ma semgħux bis-serje HBO Game of Thrones li dehret għall-ewwel darba f’April tal-2011, biex kompliet bi tmien staġuni sħaħ sas-sena 2019, bi 73 episodu b’kollox? Kemm minna segwewha ġimgħa wara ġimgħa jew saħansitra bbinġjaw l-episodji biex raw is-serje sħiħa fi ftit jiem?
U bir-raġun! Għax GoT, kif magħrufa fil-qosor, hija mimlija b’azzjoni, sorpriżi, battalji u tixrid ta’ demm, ksur ta’ wegħdiet u tradimenti, u anki b’emozzjonijiet qawwija, xeni ta’ sess u orġji, nisa jwelldu, imwiet tal-iktar persuni għażiża, u ħafna iktar.
Apparti hekk, ingredjenti oħrajn li jagħmlu minn GoT serje segwita minn miljuni fid-dinja kollha huma d-draguni, ġganti, tribujiet “slavaġ” (il-wildlings) li jgħixu fit-Tramuntana tat-Tramuntana fejn m’hemm xejn ħlief silġ u kesħa, imma anki l-mejtin li jerġgħu jqumu għall-ħajja sabiex jiffurmaw armata bla qies u jiġġieldu kontra l-ħajjin.
Ta’ min niftakru però li GoT hu adattament ċinematografu tas-serje ta’ rumanzi fantasy miktubin minn George R. R. Martin bl-isem ta’ A Song of Ice and Fire.
Wara s-suċċess ta’ GoT deher l-ewwel staġun tal-prequel tiegħu House of the Dragon f’Awwissu tal-2022. L-istorja toħodna lura mal-200 sena qabel il-ġrajjiet li seħħew f’GoT, u 172 sena qabel it-twelid ta’ waħda mill-protagonisti ewlenin, Daenerys Targaryen, prinċipessa kuraġġuża li minn tfajla vulnerabbli tasal biex tilħaq l-ogħla quċċata tal-poter.
U issa għadu kemm ħareġ it-tieni staġun ta’ House of the Dragon li jikkuntrastja l-ewwel staġun. Ladarba jmut ir-re Viserys Targaryen, ir-re ‘tajjeb’ għax matul ir-renju tiegħu żamm il-paċi bejn il-familji rivali li parti kbira minnhom rgħiba għal iktar poter, artijiet u kastelli, it-tieni staġun ilaqqagħna ma’ komplottar, aktar qtil, battalji mdemmija u l-bqija.
Jolqot kemm f’GoT kif ukoll f’House of the Dragon il-fatt li tingħata importanza kbira lill-persunaġġi nisa, minn reġini, prinċipessi, u nisa nobbli sa suldati nisa, servi fid-djar tan-nobbli, u anki prostituti.
Kulma jonqos hu post komdu fejn tpoġġi u xarba friska, forsi anki ftit kumpanija. Il-bqija, hu gost!