Fis-Sette Giugnio ma mietux biss 4 persuni …

 Fis-Sette Giugnio ma mietux biss 4 persuni …

Is-Sibt 7 ta’ Ġunju 1919. Hekk kienet il-ġurnata li fiha qamet għagħa kbira fil-Belt Valletta.

Lura fi Frar tal-1919, kienet saret l-ewwel laqgħa tal- Assemblea Nazzjonali mmexxija minn Sir Filippo Sciberras u sħabu biex ifasslu Kostituzzjoni u jgħadduha lill-Gvern Ingliż biex japprovaha. Il-Maltin kienu xebgħa maħkuma. Ma kinux qed iħossuhom li huma stmati. Il-prezz tal-ħobż u l-qamħ kien għola.

Fis-7 ta’ Ġunju tal-1919 kienet qed issir it-tieni laqgħa tal-Assemblea Nazzjonali fil-belt Valletta meta folla kbira nġabret il-belt Valletta bħala turija ta’ appoġġ. Il-folla tilfet il-kontroll meta rat li xi ħwienet ħallew il-bandiera Ingliża tittajjar fuq il-bjut u anke li fetħu xorta meta kien hemm ftehim biex ma jiftħux fosthom ta’ Cassar Torregiani. Huma waddbu l-ġebel u attakkaw il-Bibljoteka, l-imħażen ta’ negozjanti tal-qamħ u l-istamperija tal-gazzetta The Daily Malta Chronicle (gazzetta favur l-Ingliżi).

Membri Ingliżi fil-Union Club ipprovokaw lill-Maltin billi waddbu soldi qalb il-folla. Meta l-pulizija Maltija ma setgħetx tikkontrolla l-folla, ssejħu s-suldati Ingliżi li sparaw fuq il-folla.**

Hawn inqatlu tliet Maltin: Wenzu Dyer, Ġużeppi Bajada u Manwel Attard.

L-għada l-folla telgħet tpoġġi kuruni fil-post fejn inqatlu l-Maltin. Membri tal-Union Club reġgħu pprovokaw lill-Maltin. Il-folla reġgħet saħnet. Din id-darba ħarġu l-marines u qatlu lil Karmenu Abela.

Imma mhux biss. Kienu mietu wkoll fl-isptar, Ċikku Darmanin u Toni Caruana li ġew feruti waqt dan l-avveniment storiku u li sfortunatament ma tantx jissemmew.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com