Fitta n-nemusa! Torqdu kollu l-lejl?

 Fitta n-nemusa! Torqdu kollu l-lejl?

Bosta jafu li bħala sigħat ta’ rqad huwa ssuġġerit li għandna norqdu bejn 7 u 9 sigħat kuljum. Imma kemm minna verament għandu l-ħin biex jorqodhom matul il-jum tiegħu? U jekk għandu, kemm jirnexxilu jorqod minnhom fir-realtà?

Qed ngħid hekk għax nafu mill-esperjenza personali tagħna li hemm min għandu “nagħsu ħafif”. Kemm minna jirnexxielna norqdu 7 sigħat in fila matul il-lejl?

Dan ma jseħħx għal numru ta’ raġunijiet. Hemm min ma jirnexxilux jagħlaq għajn m’għajn minħabba li jkun kiel tard filgħaxija. Oħrajn abbli jkollhom problemi tax-xogħol fuq moħħhom jew inkellha jkunu jafu li se jsiefru l-jum ta’ wara, allura ma jkollhomx moħħ il-mistrieħ. Hemm min ibati għax iħoss il-bżonn li jrid jagħmel pipi kull tant sigħat. Oħrajn ibatu biex jorqdu minħabba l-kelb tal-ġar jinbaħ għal kull ħaġa ta’ xejn, it-tarbija li tqum tibki biex tixrob, jew il-ħoss tal-ac jew tal-arloġġ fil-qrib.

Hemm raġunijiet oħrajn li jisirqulna mill-irqad matul il-lejl. Issa li beda s-sajf bosta jbatu mis-sħana u għalhekk ifittxu li jkollhom għallinqas fann jekk mhux l-arja kkundizzjunata għaddejja l-ħin kollu. Hemm min ikun rieqed dik ir-raqda ħelwa, bit-tieqa jew bieb tal-gallarija mbexxqin u jinħasad mill-ħoss mostruż u vjolenti ta’ xi mutur jew karozza misjuqa minn sewwieqa li ftit jaħsbu f’dawk ta’ madwarhom u ħallihom ivenvnu matul it-triq prinċipali tar-raħal.

U xi ngħidu għal dik in-nemusa antipatka li biż-żanżin irqid tagħha taf tqajmek mill-isbaħ raqda u ma tħallikx bi kwietek qabel ma tqum u tikkaċċjaha billi tfittixha f’kull rokna tal-kamra tas-sodda, inkluż wara kull purtiera, fuq il-gwardarobba, wara l-komodina u fl-inqas rokna li teżisti! Imbagħad meta ssibha ħallik taħli iktar ħin tipprova toqtolha billi tixħtilha xi ċarruta mxarrba u tgħaffiġha mas-saqaf jew mal-ħajt, anki għax jekk tuża l-ispray tkun qed tipperikola li tivvelena lilek innifsek u lil min ikollok f’kamartek! U meta jirnexxilek teħles minnha tiskopri li tkun għaddiet parti sewwa mil-lejl u li wisq probabbli n-ngħas ikun tarlek darba għal dejjem.

Saħta lin-nemus kollu!

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com