Forsi ma tafhomx b’isimhom, imma taf xogħolhom: u ġejjin Malta

 Forsi ma tafhomx b’isimhom, imma taf xogħolhom: u ġejjin Malta

llna għal dawn l-aħħar snin nisimgħu illi l-industrija tal-films tiġġenera flus tajba fl-ekonomija, kif ukoll toħloq diversi impjiegi. B’ differenza min-niċeċ oħra, l-industrija tal-films ma toħloqx impjiegi f’xogħlijiet partikolari biss, imma toħloq opportunitajiet f’setturi varji. Dak li naraw fuq l-iscreen huwa biss il-qoxra ta’ din l-industrija, għaliex biex ikollok prodott finali tajjeb, isir xogħol kbir minn wara l-kwinti.

Imma biex nirnexxu, irridu nitgħallmu u nżommu ruħna aġġornati. U min aħjar minn nies esperti jistgħu jgħinuna niżviluppaw f’din l-industrija? F’ Malta se jiġu organizzati sensiela ta’ masterclasses relatati mal-films. U l-kelliema fihom huma esperti u persuni rinomati fl-industrija tal-films li jġibu magħhom snin twal ta’ esperjenza.

Titħajjar tattendi għal xi masterclass? Imma qabel, ejja naraw min huma wħud minn dawn il-kelliema:

Nathan Crowley – id-disinjatur Ingliż kien nominat 6 darbiet għal Academy Award għall-aħjar disinn tal-produzzjoni. Fost il-films illi Crowley ħadem fuqhom insibu The Prestige, The Dark Knight, Interstellar, Tenet, Wonka, u Wicked.

Margery Simkin – għandha esperjenza kbira fil-qasam tal-casting. Fost il-81 produzzjoni li kienet involuta fihom Simkin, insibu Avatar kif ukoll Rosemary’s baby. Margery Simkin kienet il-persuna illi għarfet it-talent u tat opportunitajiet lil Tom Cruise, Johnny Depp u Robert Downey Jr fost ħafna atturi popolari oħrajn

Mike Leigh – awtur u direttur Ingliż ukoll b’esperjenza twila, mhux biss fil-films, imma ukoll fit-televiżjoni u t-teatru, b’karriera mifruxa fuq 6 diċenji. Kien nominat 7 darbiet għal Academy Awards u huwa meqjus bħala l-aqwa direttur tal-films Ingliż ta’ kull żmien.

Simon Franglen – dan il-kompożitur Ingliż huwa magħruf għal xogħlijiet marbuta mal- films. Fost il-ħafna xogħlijiet, Franglen kiteb il-mużika ta’ Avatar, kif ukoll kien il-produttur tal-kanzunetta My Heart Will Go On, li kienet is-soundtrack tal-film Titanic.

Dawn huma biss uħud mill-mistednin distinti b’esperjenza kbira ċinematografika li se jieħdu sehem f’dawn il-master classes. L-esperjenza tagħhom lesti jaqsmuha mal-Maltin u l-Għawdxin li huma interessati jiskopru iktar il-ħiliet meħtieġa għall-industrija tal-films.

Il-programm sħiħ u d-dettalji dwar il-masterclasses issibuhom fis-sit   u huwa rrakkomandat li min hu interessat jirreġistra bla ħlas għas-sessjonijiet li jixtieq jattendi għalihom. Il-masterclasses se jsiru fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta bejn il-Ħadd 23 u s-Sibt 29 ta’ Ġunju.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com