Għad hawn djar illi fihom jidhru l-iħirsa?
Is-suġġett ta’ l-iħirsa iqajjem ħafna emozzjonijiet differenti f’nies differenti: Hawn min jibża’, hawn min hu xettiku, hawn min jarah bħala fantasija, u hawn min jemmen li jeżistu tant illi jmur ifittixhom fi djar jew postijiet pubbliċi.
Fl-imgħoddi jekk kont tmur f’xi belt jew raħal f’Malta u tistaqsi lin-nies tal-post, żgur kont se ssib min isemmilek xi djar fir-raħal/ belt illi fihom jidher il-ħares. Jekk kont tmur tikri kont se tinnota illi ċertu djar, minkejja l-kobor tagħhom, kienu jkunu ilhom snin vojta, jew il-kerrej ma kien ikun saddad wisq fiha. Tinduna minnufih (jew jgħidulek) illi f’dik id-dar kien hemm affarijiet mhux “ ta din id-dinja”
Maż-żmien, qishom dawn id-djar (jew l-istejjer dwarhom) naqsu sew, u llum bilkemm għadek tisma dwar djar li fihom jidher il-ħares. Imma veru kien jidher il-ħares fihom? Jew kien hemm raġunijiet għaliex in-nies kienu jgħidu hekk? Jissemmew diversi raġunijiet dwar dawn il-qlajjiet fosthom illi dak li jkun kien ikun irid jagħmel ħsara lil sid id-dar sabiex ma jbiegħhx, jew sabiex il-kerrej ikompli jikri b’kera baxxa
Raġuni oħra illi tissemma hija illi s-sidien (jew anki l-kerrejja ta’ dik id-dar) ma kinux iridu nies fil-viċinanzi. Dan kien minħabba li kien ikun hemm xi attivita kriminali jew illeċita għaddejja fid-dar
Mhux kull min qala’ qlajja dwar xi dar bilfors kellu interess ulterjuri. Jista’ jkun b’mod ġenwin illi jaħseb li kien hemm ħares. Biżżejjed niftakru li qabel daħal id-dawl elettriku, kienet tintuża il-lampa. Dellijiet li joħorġu minn lampa jafu joħlqu ċerti figuri li moħħ (ħafna drabi diġa mbeżża) seta’ jinterpreta ħażin
Jista’ jkun li kienu jingħadu stejjer dwar l-iħirsa sabiex jieħdu pjaċir ibeżżgħu lin-nies. Waqt xi diskursata fuq il-għatba filgħaxija, kienet tinżel għasel għal xi wħud illi jieħdu l-mazz f’idejhom u jintefgħu jirrakuntaw.
Illum dan kollu spiċċa. Imma spiċċa veru, jew persuna ma tħossihx komda titkellem minħabba li tista’ li tiġi rredikolata?
Int ġieli mort x’imkien u għaddejt minn esperjenza ta’ iħirsa? Temmen?