Għadek tħobb tilgħab board games?- Taf li fihom ħafna vantaġġi?
Fl-imgħoddi, qabel il-mowbajls, tablets u laptops ħadu over ta’ ħajjitna, kellna mod ieħor ta’ kif konna ngħaddu l-ħin. Kellna mod ieħor ta’ kif ninġabru bħala familji jew ħbieb. Kellna mod ieħor ta’ logħob illi jgħaqqadna u jdaħħalna f’pika ċkejkna ma’ ħbiebna. Konna nqattgħu siegħat għaddejin nilagħbu xi board game
Bħala board games kien hawn diversi. Biex nifthemu, dawn il-board games għadhom hawn sa llum. Biss, illum ftit għadhom jilagħbuhom. Kien hawn logħob sempliċi illi biex tilgħabu u tirbaħ ma ridtx xi kapaċita, imma ftit fortuna. Eżempju il-fortuna kienet kollox f’xi logħba snakes and ladders, fejn timxi skont l-ammont li ġġib fuq id-dada, u tittama li titla’ s-sellum ħa tavvanza, dejjem tiela, sakemm ma tiltaqax ma’ ras is-serp
Il-ludo ukoll kienet logħba popolari. Ċertu fortuna kienet tidħol ukoll, imma dejjem kien jiddependi mill-istrateġija li taddatta bħal tkunx moħħok li ddaħħal id-damma tiegħek, jew tkunx moħħok biex tkeċċi lil ħaddieħor
Logħba li konna ngħaddu sigħat fuqha kienet il-monopoly. Illum hawn ħafna differenti, imma fl-antik kont l-aktar i ssib dik mit-toroq ta’ Londra. Djar, lukandi, ħabs, Community Chest u taxxi kienu jħalluna okkupati għal ħin twil
Fi żmien il-Covid, il-logħob tal-board games kien qisu reġa’ ħa r-ruħ. B’inqas impenji, il-familji kienu jsibu kif jgħaddu ftit ħin. Imma apparti s-sabiħ tal-logħba, kont taf li l-board games fihom ammont ta’ vantaġġi?
- Ċertu board games jgħinuk titgħallem tibni strateġija
- Il-board games jgħinuk tisoċjalizza, kif ukoll jgħinu sabiex tikber il-komunikazzjoni
- Il-board games jgħinu anki fis-saħħa mentali billi żżomm moħħok okkupat
- Huma logħob illi jistgħu jiġbru familji sħaħ, irrilevanti minn kemm għandhom eta’
- Huma logħob illi minnhom tista’ titgħallem
Flok bħala familja illejla kulħadd jintefa’ fuq il-mowbajl tiegħu, x’taħseb kieku tilagħbu xi logħba flimkien? Hemm ħafna differenti, ħafna aktar minn dak li ssemma hawn fuq. Int liema kienet il-favorita tiegħek? Għadek tilgħab?