Għandek vizzju tħalli ħafna affarijiet nofs leħja?
Xi kultant l-istress jirkibna u jxekkilna milli nlestu x-xogħol li jkollna ppjanat. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nipprovaw inkunu multi-tasking bħal ngħidu aħna, nwieġbu t-telefown waqt li nkomplu naqraw xi email, u sadanittant forsi anke nilħqu nwieġbu xi messaġġ. Iżda meta nipprovaw nibilgħu d-dinja f’daqqa, nispiċċaw b’lista ta’ xogħlijiet mhux kompluta.
Meta ssibha iebsa tlesti oġġett wieħed wara l-ieħor
Hemm ħafna elementi li jtellfuna. Nistgħu nsemmu: in-notifications tal-mowbajl, xi mistoqsija mingħand xi ħadd, affarijiet li jinqalgħu ta’ bla ħsieb u l-lista tkompli sejra. Li niġu mwaqqfa kontinwament minn dak li nkunu qed nagħmlu sar parti mill-istil ta’ ħajjitna. Qed jonqos is-sabar li nkompli nsegwu sal-aħħar xi ħaġa li nkunu bdejna. Ħafna minna saru jħossu l-ħin kollu l-bżonn li jinteraġixxu ma’ xi ħadd.
Meta tiġi mwaqqaf, kemm jekk għall-bżonn u kemm jekk le, il-focus jintilef. Għaldaqstant, il-moħħ jibda jgħejja iktar malajr għaliex jeħli ħafna enerġija biex kull darba jkompli minn fejn ikun ħalla. Meta nnaqsu l-interruzjonijiet inkun qegħdin innaqsu ċertu stress u jkun hemm iktar probabilità li neqirdu l-vizzju li nħallu xogħol mhux komplut.
Xi tkun qed tirriskja meta tħalli ħafna affarijiet nofs xogħol?
- Għejja mentali kontinwa
- Nuqqas ta’ determinazzjoni
- Iżjed distrazzjonijiet u ċans ta’ żbalji
- Iktar ġenn u sens ta’ ansjetà
Kif tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni?
Ħu ħsieb il-ħin li għandek disponibbli
Agħmel mezz biex imqar parti speċifika mill-ħin tiegħek ma tiġix mtellfa. Qis li din tagħmilha prijorità u tinqgħalax għal xi ħaġa li fil-verita’ tista’ tistenna.
Kultant żmien, itfi kollox
Jinstema’ banali dan il-parir imma ftit huma lesti li jsegwuh. Il-moħħ għandu bżonn jaqta’ u jkun jaf li għal mument qasir mhux ser ikun milħuq.
Qassam il-ħin tiegħek aħjar
Ipprova kemm jista’ jkun iffoka fuqek innifsek mingħajr ma tħalli dak li jkun qed jigri madwarek jaffetwak iżżejjed. Organizza ħinek aħjar, ikkonċentra iktar u żid id-determinazzjoni tiegħek. Barra minn hekk ipprova tagħmilx iktar minn oġġett wieħed fl-istess ħin.