Ġieli dewwquk l-alkoħol meta kont żgħir?
Snin ilu il-ħsara li jista’ jagħmel l-alkoħol fuq is-saħħa tat-tfal, ma kienx daqshekk magħruf. Mhux biss f’Malta, imma anki madwar id-dinja kont għadek issib ġenituri ( jew nanniet) illi kienu jagħti xi tip ta’ alkoħol lit-tfal tagħhom, saħansitra anki f’eta żgħira
Fi Franza, sa snin ħamsin mhux talli tfal kienu jitħallew jixorbu l-inbid, talli kien jiġi ipprovdut fl-iskola stess. Saħansitra meta l-alkoħol ġie mwaqqaf mill-iskejjel, kien hemm ġenituri li kienu jħeġġu lil uliedhom jieħdu l-alkoħol waqt il-kolazzjon id-dar.
F’Malta, mhux kull alkoħol kien tajjeb għat-tfal. Imma ftit inbid ma’ l-ikel kien aċċettat, probabbli għax l-inbid kien jintuża b’mod regolari, u mhux għal xi okkażjoni. F’xi festin it-tfal kienu jitħallew jieħdu xi grokk Vermouth jew Aperol, minħabba li kien ikkunsidrat xorb ħafif. Apparti minn hekk, tfal żgħar ġieli kienu jbillulhom il-gażaża fl-inbid, f’attentat biex joqogħdu kwieti
Il-whiskey, għalkemm mhux b’mod regolari, ġieli ukoll ingħata lit-tfal, jew billi jbillu l-gażaża fih sabiex jittaffa l-uġigħ tas-snien, jew kien jingħata ftit fil-misħun meta tifel ikollu xi riħ tajjeb
Imma irrilevanti x’kienu jagħmlu l-antenati, l-alkoħol lit-tfal m’għandu jingħata qatt. Minn studji illi saru, ġie skopert illi l-alkoħol għandu effett ħażin ħafna fuq it-tfal. L-alkoħol fit-tfal jista’ jwassal għal aċċessjonijiet
Effetti oħra tal-alkoħol fit-tfal hu li jistgħu jirremettu, jixxenglu, kif ukoll ilissnu kliem li ma jagħmilx sens, bħal ma jiġri fl-adulti wara kollox. Biss fit-tfal, l-alkoħol kemm jiġi assorbit mill-istonku għal ġod-demm ħafna aktar malajr milli jiġi assorbit fl-adulti, bil-konsegwenza illi anki ammont żgħir ta’ alkoħol jaf iħalli konsegwenzi
Biex nevitaw konsegwenzi ħżiena, qatt m’għandna nagħtu alkoħol lil tfal. U jekk għandna tfal li jħobbu jesperimentaw, tajjeb illi nsakkru tajjeb kull xorb illi għandna d-dar