Hemm post miftuħ fir-raħal tiegħek fejn tipprattika l-isport?
Huwa d-dritt tat-tfal imma anki taż-żgħażagħ li jkollhom spazji miftuħa fejn jilagħbu u jipprattikaw l-attività fiżika jew sport favurit tagħhom. Hawn m’iniex nirreferi biss għall-playing fields fejn insibu l-bandli tradizzjonali għat-tfal iż-żgħar, imma anki għal spazji fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilagħbu futbol, basketball, tennis, ġiri jew gogging, padel, squash, isuqu r-rota bla periklu ta’ xejn, fil-ħin liberu tagħhom u bla ma jħallsu.
Kemm jeżistu spazji bħal dawn hawn Malta? Jekk jeżistu, huma parti minn kumplessi sportivi ikbar jew skejjel, fejn wieħed irid iħallas biex jipprattika dak li jixtieq, u dan f’ħinijiet stipulati? Jeżistu spazji miftuħin fejn dak li jkun ikun jista’ jmur jiltaqa’ ma’ ħbiebu u jilgħab logħba futbol 5-a-side jew basketball bla ħafna appuntamenti, mili ta’ formuli, u l-bqija?
Iktar minn hekk, jeżistu spazji fejn jistgħu jinfetħu courts sportivi bħal dawn fil-kuntest tal-irħula u bliet mifqugħin bil-bini u bit-traffiku li għandna llum? U kemm għandna poplu jew awtoritajiet li verament jemmnu fl-importanza ta’ spazji bħal dawn?
Huma spazji li żgur joffru żvog lit-tfal u żgħażagħ wara sigħat twal ta’ lezzjonijiet, xogħol miktub id-dar u eżamijiet, mela mistrieħ mentali jew psikoloġiku u opportunità biex tħaddem il-muskoli u ssaħħaħ il-ġisem. Dan jista’ japplika wkoll għall-adulti li min jaf kemm iqattgħu sigħat bilqiegħda quddiem screen tal-kompjuter magħluqin f’uffiċċju kuljum.
Huma spazji fejn dak li jkun jissoċjalizza u jagħmel ħbieb ġodda, filwaqt li jikkompeti f’ambjent san u jifhem li l-importanti mhux li dejjem tirbaħ, imma li toħroġ kuntent, mistrieħ u bi tbissima.
Sa ftit deċennji ilu t-tfal kienu joħorġu mid-dar u jintefgħu jilagħbu tal-cowboys u l-indjani, ħarba, logħba futbol jew isuqu r-rota ma’ ħbiebhom fl-għelieqi kif iddur il-kantuniera. Illum dan ftit għadu realtà ladarba l-bini naqqa kull spazju miftuħ. Hu proprju dan in-nuqqas li jagħmel is-sitwazzjoni waħda ta’ emerġenza kbira.
Qed jinfetħu parks naturali ’l hawn u ’l hinn. Hemm bżonn isir iktar, fuq il-passi taċ-Ċentru Sportiv tal-Cottonera. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġin jiċċaqalqu iktar f’ambjenti nodfa, sani u moderni.