IL-BENEFIĊĊJI TAL-LUMI

 IL-BENEFIĊĊJI TAL-LUMI

Kemm minna jixtru regolarment frott taċ-ċitru bħalma huma larinġ u mandolin, imma mbagħad mhix abitudni tagħhom li jixtru wkoll il-lumi? Kemm minna għandhom siġra jew siġar tal-lumi u ma nafux x’se nagħmlu bihom, tant li spiss nagħtu ammont kbir ta’ lumi lil ħbieb u qraba tagħna?

Imbagħad tiftaħ it-televiżjoni u tara li waqt il-programmi tal-ikel jew gastronomija l-lumi huwa frotta li jintuża ħafna ma’ platti differenti, fosthom mal-ħut u anki mal-insalata. Jintuża anki mad-deżerti, dips, u zlazi differenti. X’inhi din ir-relazzjoni ta’ simpatija u antipatija ma’ din il-frotta?

Tajjeb li nkunu konxji tal-benefiċċji ta’ din il-frotta. Fil-lumi hemm il-fibre li jintrabat ma’ bosta vantaġġi għas-saħħa tagħna. Għalhekk, meta nixorbu l-meraq tal-lumi tajjeb li nieħdu wkoll il-polpa għax hu f’din fejn hemm l-iktar fibre.

Il-lumi għandu livell għoli ta’ vitamina Ċ u jsaħħaħ is-sistema immunitarja. Il-vitamin Ċ hija antiossidant qawwi u għalhekk tgħin kontra l-ħsara taċ-ċelloli u ttejjeb is-saħħa tal-ġilda.

Il-lumi jgħin biex nitilfu l-piż, ladarba jista’ jbaxxi l-livell taz-zokkor fid-demm u jnaqqas ir-riskju tad-dijabete. Inaqqas ukoll ir-riskju ta’ mard tal-qalb, animja, ġebla, kanċer u jgħin fejn tidħol id-diġestjoni. Il-lumi jaf jipprevjeni l-ażma, jassorbi l-ħadid f’ġisimna, itejjeb il-complextion, inaqqas il-pressjoni, u jgħin is-sistema nervuża. Il-meraq tal-lumi għandu karatteristiċi li jiġġieldu kontra l-batterji u l-fungi. Għalhekk jgħin kontra s-salmonella u infezzjonijiet partikolari fid-demm.

Apparti l-fatt li l-lumi hu frotta tajba qatigħ għas-saħħa, għandu togħma u riħa distinti u pjaċevoli ħafna, tant li bosta jħobbu jagħsruh fuq ikel jew iżiduh ma’ xarbiet partikolari.

Fil-kċina mbagħad hemm min juża l-meraq tal-lumi biex inaddaf ladarba joqtol batterji u ġermi. Jintuża anki biex ineħħi ċerti tbajja’. Iż-żejt tal-lumija jintuża wkoll biex jipprovdi l-fragranza għal spapen, fwiħat u kremi għall-ġilda.

Tajjeb li nżommu f’moħħna li anki hawn ma rridux nesaġeraw fl-ammont ta’ lumi li nikkonsmaw. Konsum f’ammonti kbar jista’ jwassal għal uġigħ ta’ ras qawwi, u ħruq jew dardir ta’ stonku.

Kemm minnkom iħobbu l-meraq  tal-lumi, u kemm minnkom jevitawh?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com