“Il-Big Brother qiegħed il-ħin kollu josserva dak li qed tagħmel”
Il-librerija George Orwell fir-reġjun ta’ Ivanovno fir-Russja nfetħet daqs sentejn ilu minn negozjant tal-post. Ġo din il-librerija ċkejkna hemm għażla ta’ rumanzi dwar dinjiet distopiċi u l-perikli tat-totalitariżmu. Issib għadd ta’ kopji tar-rumanz ta’ Orwell 1984, li jirrakkonta sitwazzjoni fejn il-Big Brother qiegħed il-ħin kollu josserva dak li qed tagħmel u l-istat wasal biex kważi jikkontrolla kemm il-moħħ u l-ġisem ta’ kulħadd.
1984 hu rumanz fejn il-Partit jimmanipula l-perċezzjoni tar-realtà tal-poplu, tant li ċ-ċittadini ta’ Oceania jemmnu li l-gwerra hija paċi u l-injoranza tfisser saħħa.
Il-librara Alexandra Karaseva, 68 sena, tgħid li s-sitwazzjoni f’pajjiżha llum hija simili ħafna għal dik deskritta fir-rumanz ta’ Orwell. Imma jekk naħsbu ftit, nifhmu wkoll li din hija sitwazzjoni li teżisti f’bosta pajjiżi fejn il-mass medja tiddetta realtajiet ’il bogħod ħafna mill-verità.
Karaseva ssemmi wkoll rumanz distopiku ieħor, Fahrenheit 451 ta’ Ray Bradbury. F’dan ir-rakkont il-mara tal-eroj issib ruħha mdawra b’ħitan miksijin bi screens tat-tv li qed juru rjus jitkellmu u jgħidulha x’għandha tagħmel u kif għandha tinterpreta d-dinja.
Fil-librerija wieħed isib ix-xogħlijiet ta’ kittieba kbar bħal Franz Kafka u Fyodor Dostoevsky, imma hemm ukoll kotba li jittrattaw l-istorja tal-pajjiż, bir-rivoluzzjonijiet u avvenimenti oħra li għadda minnhom. Il-kotba mhumiex iċċensurati imma s-suġġett li jittrattaw huwa sensittiv ħafna, u kull diskussjoni onesta dwar l-istorja tal-pajjiż tista’ ddaħlek fil-problemi.
L-intenzjoni oriġinali ta’ sid il-librerija kienet li joħloq spazju fejn in-nies tal-post setgħu jaħsbu b’moħħhom minflok jaraw it-televiżjoni. Kien ukoll waħħal strixxun “Le għall-gwerra” mal-faċċata u minħabba f’hekk ġie arrestat u proċessat, imma rnexxielu jaħrab minn pajjiżu u għadu mfittex mill-pulizija sal-lum.
Alexandra temmen fis-saħħa tal-kelma miktuba li tista’ ġġib il-bidla u għalhekk hi determinata li l-librerija tibqa’ miftuħa, minkejja li l-binja qiegħda għall-bejgħ. Il-kotba tagħha juru li l-poter awtokratiku mhux għal dejjem, u li l-libertà tal-ħsieb tista’ twassal ukoll għal-libertà fil-pajjiż.
Il-librerija hi kkunsidrata bħala gżira ta’ libertà fi spazju nieqes mill-ħelsien. Il-viżitaturi mhumiex ħafna, imma lesti jagħmlu minn kollox biex iżommuha miftuħa.
Kemm huma importanti l-libreriji għalik?
(Sors: bbc.com)