Il-bniedem xi jfittex l-iżjed f’ħajtu?
Mistoqsija miftuħa ferm. Infittxu ħafna affarijiet; suċċess, fama, aspett finanzjarju b’saħħtu … imma mhux biss.
Ħafna huma dawk in-nies li jikkuntentaw bis-sempliċità. Din mhix daqshekk faċli daqs qabel illum il-ġurnata; minħabba l-bumbardament kontinwu mill-midja soċjali u li tpenġi l-ħajja ‘perfetta’ minn xi wħud.
Minħabba f’hekk, ikunu ħafna dawk li jaspiraw anke b’mod esaġerat dwar fejn iridu li ħajjithom toħodhom. Ikunu jridu karriera, flus, stat, lussu, divertiment u anke familja fl-istess ħin.
Iżda rridu nżommu f’moħħna li r-realtà tal-ħajja hija ferm differenti. Iva huwa possibbli li tkun kuntent u li jkollok aspirazzjonijiet sbieħ u li għaliex le, tkun kapaċi tilħaqhom. Imma qatt ma tista’ tippretendi iżjed minnek innifsek, milli tiflaħ. Ma tistax tiġbor żewġ ħajjiet ġo waħda. Il-Malti jgħid “Ma tistax tħobb l’Alla u x-xitan.” Dan anke b’referenza li jrid ikun hemm xi ftit sagrifiċċji; kelma li forsi fid-dinja tal-lum, iddejjaq lil bosta.
Huwa minħabba f’hekk li naslu biex ġieli jkollna kolass jew falliment. Mhux bilfors. Qatt ma nistgħu niġġeneralizzaw. Imma l-ingredjenti jkunu hemm.
Irrid nitgħallmu naċċettaw, nadattaw u nagħrfu l-kapaċitajiet tagħna. Nitgħallmu wkoll inkunu aħna u mhux fotokopja ta’ ħaddieħor. Infittxu ġo fina dak li veru jferraħna u mhux dak li jagħmilna bħall-oħrajn.
Taqtgħux qalbkom. Ġaladarba tisma’ lilek innifsek, hemmhekk veru tgħix kuntent.