IL-BOOK CLUBS: ĦARĠA ALTERNATTIVA?
L-idea tal-book club ma twelditx ilbieraħ. Din taf tmur lura sas-seklu 17, meta dawn it-tip ta’ laqgħat kienu jsiru bejn nisa li xtaqu jiddiskutu l-priedka tal-Ħadd. Niftakru li sa ftit ta’ deċennji ilu, meta kienu għadhom ma daħlux midja moderni bħar-radju, it-televiżjoni u l-internet, il-qari kien wieħed mill-passatempi favuriti u mistennija ta’ kull familja. Membri fil-familja li kienu jafu jaqraw kienu ta’ kuljum, f’xi ħin filgħaxija, jinġabru u jaqraw ftit paġni minn rumanz li spiss kien joħroġ f’għamla ta’ faxxikli matul il-ġimgħa. Kienet tkun okkażjoni mill-isbaħ tara l-familja magħquda flimkien tisma’ u titpaxxa ssegwi rakkont tal-biża’ jew romantiku, ikun xi jkun.
Illum l-idea tal-book club m’għadhiex biss event soċjali għat-tfal li jseħħ fl-iskejjel jew libreriji biex jimmotivahom sabiex jaqraw, jitkellmu dwar il-kotba u jaqsmu l-ideat u l-perspettivi tagħhom. Hemm min jgħid li l-għanijiet tal-book club huma dawn:
- Il-promozzjoni ta’ abitudnijiet regolari;
- Li l-letteratura tiġi mifhuma u apprezzata;
- It-trawwim ta’ sens ta’ komunità;
- Il-ħolqien ta’ ambjent impenjattiv fejn il-membri jistgħu jiddiskutu u jirriflettu dwar il-kotba li jaqraw flimkien.
Apparti hekk il-book club illum jista’ joffri spazju sigur fejn tista’ titkellem dwar il-kotba li huma importanti għalik. Oħrajn ifittxuh bħala tip ta’ għajnuna emozzjonali billi jitkellmu dwar is-sorpriżi fir-rakkont li qed iġarrbu l-personaġġi tal-ktieb li qed taqra.
Illum il-book club qed jinfirex anki f’pajjiżna. Bosta qed jifhmu li dan jista’ joffri alternattiva għall-ħruġ “tas-soltu” fejn niltaqgħu f’xi bar biex nixorbu u npejpu u ngħidu kelma mdawrin bl-istorbju tal-mużika u tal-għajat ta’ dawk ta’ madwarna.
Min attenda għal laqgħat bħal dawn jaf li kollox isir f’atmosfera ta’ kwiet u rispett. Kull membru jġib il-ktieb tiegħu, jgħaddi ħin stipulat fil-kwiet jaqra għalih waħdu, biex wara jisserva l-kafè je te flimkien ma’ xi ħelu, u dan f’ħin meta l-membri jkunu jistgħu jitkellmu flimkien, jaqsmu l-ideat tagħhom u jiddiskutu temi, personaġġi u l-bqija f’rabta mal-kotba li jkunu ġabu magħhom.
Kemm minna aħna kuraġġużi biżżejjed biex nattendu għal imqar laqgħa waħda bħal dawn?