Il-G7 jiltaqgħu qribna fl-Italja
Proprju f’dawn il-jiem seħħet il-50 edizzjoni tal-G7, ippreseduta mill-Italja, u li għal darb’oħra rat imlaqqgħin flimkien il-pajjiżi bl-iktar ekonomiji b’saħħithom fid-dinja. Din bdiet nhar it-13 ta’ Ġunju fir-reġjun Taljan tal-Puglia u kompliet sas-Sibt 15 ta’ Ġunju 2024. Matul dawn il-laqgħat iltaqgħu l-mexxejja ta’ pajjiżi bħall-Kanada, Franza, il-Ġermanja, il-Ġappun, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Italja u l-ogħla awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, u ddiskutew numru ta’ kwistjonijiet, fosthom: l-intelliġenza artifiċjali (AI), il-klima, il-migrazzjoni, il-gwerer, u l-enerġija. Imma s-sensazzjoni hi li huma ftit l-argumenti li wasslu għal riżultati konkreti.
L-unika kwestjoni fejn wisq probabbli se jsiru progressi solidi hu l-argument dwar l-Ukrajna. L-idea hija dik li l-fondi Russi li ġew iffriżati fil-banek tal-Punent daqs sentejn ilu – daqs 50 biljun dollaru – jintużaw biex jingħataw bħala self lill-Ukrajna biex tirranġa l-infrastruttura, fuq kollox l-enerġija u s-sistema tal-elettriċità li ntlaqtu mill-forzi Russi f’dawn l-aħħar ġimgħat. Ċertament din id-deċiżjoni se toħloq reazzjoni ulterjuri min-naħa tar-Russi li diġà fl-aħħar xhur issekwestraw bosta ażjendi u fergħat ta’ ażjendi Ewropej f’Moska u fir-Russja.
Apparti l-mexxejja tal-G7, il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni stiednet mexxejja oħrajn fosthom il-President Ukren Vladimir Zelenski, il-Prinċep tas-Sawdi bin Salman, il-President Tork Erdogan, u għall-ewwel darba fl-istorja, il-kap tal-Istat tal-Vatikan, il-Papa Franġisku. Dan tal-aħħar tkellem dwar ir-relazzjoni bejn l-intelliġenza artifiċjali u s-soċjetà umana inġenerali, flimkien mal-implikazzjonijiet etiċi u morali tagħha. Kien hemm ukoll stennija kbira dwar x’jista’ joħroġ mil-laqgħa wiċċ imb wiċċ bejn il-Papa u Biden fejn iddiskutew it-tkomplija tan-negozjati fl-Ukrajna imma anki f’Gaża.
Ma ninsewx li f’dinja globalizzata m’għadux żmien fejn ngħidu li ċerti avvenimenti ma jirrigwardawniex bħala ċittadini ta’ pajjiż-gżira nifta. Illum deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell internazzjonali jafu jinfluwenzawna direttament, ibda mill-kwistjoni tal-klima u spiċċa bil-kunflitti li għaddejjin bejn pajjiżi mhux dawstant ’il bogħod minna.
It-tama hi li l-mexxejja tal-G7 flimkien mal-Papa u mexxejja ta’ pajjiżi oħra jaslu għal ftehim ibbażat fuq is-sens komun li minnu tgawdi l-umanità sħiħa.