Il-Gażaża- Taf kemm tagħmel ħsara lit-tfal? Xi vantaġġi fiha ukoll

 Il-Gażaża- Taf kemm tagħmel ħsara lit-tfal? Xi vantaġġi fiha ukoll

Il-gażaża: l-oġġett illi nbellgħu lit-tfal żgħar sabiex joqgħodu kwieti, sabiex jisktu mill-biki. Wara li nkunu ilna  ftit snin insoddu ħalq it-tfal bil-gażaża, nibdew naħsbu kif se naqtgħulhom din il-gażaża. L-aktar li nkunu rriduhom ma jibqgħux jeħduha, hija għaliex qed jikbru, u wasal iż-żmien li jneħħuha biex ma jidhrux babies

Imma l-aktar li għandna ninsistu magħhom sabiex ineħħu l-gażaża hija minħabba l-ammont ta’ żvantaġġi illi il- gażaża iġġorr magħha.

Infezzjonijiet fil-widnejn- L-użu tal- gażaża huwa marbut ma’ żieda fl-ammont ta’ infezzjonijiet fil-widnejn. Aktar minn hekk, jekk il- gażaża tingħata lil tfal akbar minn sentejn, hemm il-possibilita illi issir ħsara lis-snien

Huwa fatt magħruf illi il- gażaża taqa’ minn ħalq it-trabi ta’ sikwit. Kultant huma stess jagħmluha bħala logħba. Jekk gażaża ma tinħasilx sew, taf tiġbor magħha ħmieġ u mikrobi, illi jispiċċaw f’ħalq it-tfal, bil-konsegwenzi li dan iġib miegħu

Tarbija illi tibda tingħata l- gażaża mit-twelid, taf issibha iktar diffiċli biex tibda tixrob il-ħalib mis-sider

Żvantaġġ ieħor tal- gażaża hu li jekk ikun dara biha, it-tarbija se tibki kull darba li din taqa’ minn ħalqha. B’hekk la torqod sew it-trabija, u lanqas int

Imma din l-imbierka gażaża ma fihiex biss żvantaġġi. Li tarbija tieħu il- gażaża taf twassal għal riskju inqas ta’ Sudden Infant Death Syndrome. Apparti minn hekk, il- gażaża tgħin sabiex it-tarbija tibqa’ kalma

Jekk niddeċiedu li nagħtu l- gażaża lil uliedna tajjeb li naraw illi d-dawra tal- gażaża hija ikbar minn ħalq it-tfal. B’hekk nevitaw ir-riskju li jagħmluha kollha f’ħalqhom. M’hemmx għalfejn nisfurzaw lit-tfal jieħdu gażaża. Biex inżommuhom kwieti, nistgħu insibu metodi oħra bħal inkantawlhom, jew nilagħbu magħhom.

Int kont ittihom gażaża lil uliedek? Kiddewk biex qatgħuha?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com