Il-karozza s-sieħba tiegħi
Kemm minna sa minn meta nkunu għadna adolexxenti nibdew noħolmu bil-karozza li xi darba għad ikollna? Kemm minna noqogħdu attenti għall-mod kif il-ġenituri jew il-kbar jimmanuvraw il-karozza sabiex meta jasal il-waqt insibuha iktar faċli nsuqu waħda?
Imbagħad, malli nilħqu l-età li fiha nistgħu nibdew naħdmu u naqilgħu paga, arana nġemmgħu u nwarrbu kull ewro li jkollna sabiex fl-aħħar naslu biex nixtru l-karozza li nkunu nistiequ, anki jekk niddejnu bil-kbir.
Tinduna b’min ikun għadu ferħan bil-karozza ladarba tarah kull jumejn jew tlieta jaħsilha, jogħroġha, ilellixha minn barra, u jnaddafha minn kull traba fuq ġewwa. Imbagħad arah jagħmlilha xi tibdiliet “għall-aħjar” bħal rimmijiet speċjali li jiġbdu l-għajn, roti usa’, xi faxx ’l hawn u ’l hinn, xi spoiler, dik l-istiker partikolari fuq wara, u min jaf x’iktar.
Imbagħad hemm min iwaħħlilha silencer apposta, fis-sens li minflok itaffi mill-ħsejjes żejda, jagħmel mod li kull minn fejn jgħaddi jinstema’ sewwa u saħansitra min ikun fil-qrib u fil-bogħod idawwar wiċċu ħalli jammira lilu u lill-karozza ħabiba tiegħu.
Hemm min iħobb jibdel il-karozza tiegħu minn ġewwa f’salott, jekk mhux kamra tas-sodda. Hawn jitwaħħlu dwar speċjali ta’ lwien differenti. Ma ninsewx l-apparat tal-mużika li għalkemm illum jiġi bħala parti mill-karozza, xorta hemm min itejbu billi jwaħħlu loudspeakers adatti sabiex meta jisma’ l-mużika hu, ikun ċert li miegħu qed igawdiha nofs ir-raħal jew belt minn fejn ikun għaddej. Unz, unz, unz, bum, bum, bum…
Hemm dawk il-lejliet meta dak li jkun joħroġ lill karozza sieħba tiegħu għal laqgħat jew meetings speċjali, fejn ilaqqagħha regolarment ma’ karozzi tal-klassi tagħha. Dawn l-ispettakli mhux ta’ min titlifhom: tara karozzi mill-isbaħ, ileqqu u armati, kollha ppustjati waħda ħdejn l-oħra, xi wħud saħansitra bil-bonnet miftuħ ħalli dak li jkun igawdi wkoll l-isbuħija jew l-aggressività tal-magna.
Jaslu wkoll dawk il-waqtiet meta inti u l-karozza tiegħek tilagħbu logħob partikulari. Għandi f’moħħi dawk is-sigħat partikolari meta tieħu l-maħbuba tiegħek għad-drifting fi spazji wiesgħa u mwarrbin.
Ħareġ il-bnazzi! Ejja ħa noħorġu!