Il-kulur tal-kit mhuwiex fuq il-bandiera nazzjonali
Il-home kit tat-tim nazzjonali Ġermaniż tal-futbol għandu l-home kit abjad bi sfumaturi suwed. Biss, il-bandiera tal-Ġermanja, li qed jilqa’ l-EURO 2024, m’għandhiex abjad. Fil-fatt, fiha tliet kuluri fi tliet faxex tal-istess tul, mimdudin; l-iswed, l-aħmar u l-isfar dehbien.
Ir-raġuni hija storika. Meta l-istati Ġermaniżi ngħaqdu, il-Prussja, li kienet iġġebbed mill-fruntieri tar-Russja sa ta’ Franza, saret qawwa dominanti fi ħdan il-Ġermanja. Għalhekk, meta twaqqaf it-tim nazzjonali Ġermaniż, użaw il-kuluri tal-bandiera Prussa: din kienet bajda b’ajkla fin-nofs. Jekk tħares lejn l-emblema tad-Deutscher Fußball-Bund tara l-ajkla.
Il-Ġermaniżi mhumiex l-uniċi b’tim nazzjonali li qed jippartċipa fl-EURO 2024 b’home kit li fuqu ma jidhrux tal-inqas kulur wieħed minn tal-bandiera nazzjonali.
L-Italja għandha bandiera bi tliet kuluri f’faxex vertikali ndaqs ta’ kulur aħdar, abjad u aħmar, imma l-home kit tat-tim nazzjonali Taljan huwa storikament ċelesti; fil-fatt isejħulhom l-Azzurri. Il-kulur tal-kit Taljan imur lura għall-1911 u ngħażel b’turija ta’ rispett lejn il-familja rjali Taljana ta’ dak iż-żmien, il-familja Savoia. L-emblema tal-familja li kienet tintuża fuq il-bandiera tar-Renju tal-Italja kellha bordura ċelesti.
It-tim nazzjonali Olandiż juża l-oranġjo fuq il-home kit u għandhom il-laqam Oranje (oranġjo bl-Olandiż). Biss, l-oranġjo ma jidhirx fuq il-bandiera tal-Olanda għax din hija magħmula minn tliet faxex orizzontali; aħmar, abjad u blu. L-oranġjo fuq il-kit huwa xi ħaġa kulturali jirrappreżenta l-familja rjali tal-Olanda, il-familja Orange-Nassau.
Xi timijiet nazzjonali jużaw kulur wieħed biss fuq il-home kit. Ngħidu aħna, il-Belġju u l-Portugall jużaw l-iktar l-aħmar, minkejja li tal-ewwel għandhom l-isfar u l-iswed u l-oħrajn l-aħdar fuq il-bnadar rispettivi. L-Awstrija jużaw kits bojod, avolja hemm l-aħmar fuq il-bandiera.