Il-laqmijiet kienu mod faċli biex inkunu nafu għal min qed tirreferi

 Il-laqmijiet kienu mod faċli biex inkunu nafu għal min qed tirreferi

Fl-imgħoddi, aktar mill-llum, biex issib persuna kont trid tistaqsi għalih aktar bil-laqam mill-bl-isem. Ħafna nies kienu jkunu jafu lil dan il-persuna skont il-laqam tiegħu jew il-laqam tal-familja. Fl-irħula, kull familja kellha l-laqam tagħha, waqt illi membri tal-istess familja, jew kienu jirreferu għalihom bħala “ Tal + il-laqam tal-familja”, jew kien jinħolqilhom laqam speċifikat għalihom

Il-laqmijiet ma kienux ibbażati fuq ix-xejn, imma kienu jingħataw skont xi ħaġa li tiddistingwi. Eżempju, skont ix-xogħol tal-missier, jew skont xi karatteristiċi mill-karattru. Ngħidu aħna, jekk persuna jkun mastrudaxxa, probabbli l-laqam kien il-Mastrudaxxa, waqt li d-dixxendenti tiegħu ikunu magħrufin bħala “ Tal-Mastrudaxxa”. Minn naħa l-oħra, jekk mara tkun tgħajjat/ twerżaq biex titkellem, ma riedu xejn biex jibdew jgħidulha “ Iċ-ċawla”, bil-possibilta’ kollha li uliedha jirtu wkoll dan il-laqam

Minħabba li fl-imgħoddi ħafna nies kienu jkunu mir-raħal stess, persuni li jiġu minn barra r-raħal kienu jingħataw il-laqam skont minn fejn ġej. Eżempju Għawdxi li jkun mar joqgħod in-Naxxar, probabbli kien ikun magħruf bħala “ L-Għawdxi”
Il-laqmijiet kienu jingħataw ukoll skont karatteristiċi fiżiċi. Hemm minnhom ma fihom xejn ħażin, eżempju “ Tal-Ġinġer” jew “ It-twil”. Imma mhux dejjem kienu jkunu fuq karatteristiċi sbieħ . U għalkemm illum deskrizzjonijiet fuq difetti nevitawhom, fil-każ tal-laqmijiet antiki, ma kienu jiddejqu xejn isemmulek id-difett. Għadek issib laqmijiet bħal “ IL-werċ”, “Iz-zopp” jew “ It-Trux”, laqmijiet illi jweġġgħu xi ftit lil persuni li probabbli, bħal isimhom, se jibqa’ mwaħħal magħhom għal għomorhom. Anzi agħar minn isem, għax probabbli se jkun wirt għat-tfal ukoll

Kienu jingħataw ukoll laqmijiet fuq il-karattru ta’ dak li jkun. Eżempju persuna xi ftit kiesħa kienu jgħidilha “ il-beżqa” jew “ il-bżiequ”

Hawn min kien ikun imkabbar bil-laqam, tant li mill-ewwel isemmihulek. Jaf kellek nies li qas biss ikunu konxji tal-laqam tagħhom. Eżempju, persuni jkunu magħrufin fl-akwati b’xi laqam, eżempju “ il-maħmuġ” u lanqas ikun jaf. Żgur illi oħrajn illi ma jkunux jafu l-laqam tagħhom, huma l-għalliema. Mhux l-ewwel darba li għalliema jingħatalhom laqam minn xi studenti, laqam illi jkun magħruf ma’ l-istudenti kollha, imma ħadd ma jmur jgħidu lill-għalliem f’wiċċu

Taħseb li hu ġust illi nittimbraw persuna jew familja b’laqam?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com