Il-purtinar huwa eroj tat-Tieni Gwerra Dinjija

 Il-purtinar huwa eroj tat-Tieni Gwerra Dinjija

Jeżistu nies li jagħmlu ġest nobbli u ma jdoqqux trombi, l-iżjed membri tal-forzi armati li jagħmlu xi att erojku biex jgħinu f’xi battalja jew isalvaw lil sħabhom mill-għawġ.

Fis-sebgħinijiet, William Crawford kien purtinar fl-Air Force Academy f’Colorado Springs, fl-Istati Uniti. Ħadd ma kien jaf li rċieva l-Medal of Honor, l-ogħla unur li jingħataw membri tal-forzi armati!

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, William Crawford kien suldat fl-invażjoni tal-Italja. Il-platoon tiegħu kellu ordni jaħtaf għolja f’Altavilla, qrib Salerno, fit-13 ta’ Settembru 1943. Kienet battalja ħarxa u s-suldati spiċċaw taħt in-nar!

Crawford tkaxkar fuq żaqqu, bil-balal ivenvnu madwaru, u waddab grenade f’bejta tas-suldati tal-għadu biex jeqridhom. Irrepeta l-proċess darbtejn oħra għax hu u sħabu baqgħu jaqilgħu t-tiri. Fl-aħħar qabad machine gun tal-għadu u beda jispara; meta raw hekk, l-għedewwa ħarbu. Bis-saħħa tal-kuraġġ ta’ Crawford, is-suldati ħatfu l-għolja.

Sħabu bdew jitkellmu fuq dan l-eroj. Sfortunatament ġriet ix-xniegħa li Crawford inqatel. Fil-fatt, iż-żagħżugħ missieru rċieva l-Medal of Honor f’isem ibnu li kien ‘miet’.

Fil-verità, Crawford kien ħaj imma spiċċa priġunier tal-għadu. B’xorti tajba, ir-raġel inħeles u skoprew li salva. Crawford lanqas kellu ħjiel li rċieva l-unur.

Huwa rtira mill-armata fl-1967 u beda jaħdem bħala purtinar fl-Air Force Academy, għall-kwiet. Fl-1976, wieħed mill-kadetti kien qed iqalleb ktieb fuq l-invażjoni tal-Ewropa u sab isem Crawford bl-istorja kollha; tbellah u qal lil sħabu bil-purtinar eroj.

Meta Crawford irrakkonta x’ġara qal, b’ċajta, li ma kienx attenda għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-unur għax kien priġunier. Wara sforz kollettiv, fl-1984, il-President Ronald Reagan attenda għall-gradwazzjoni tal-akkademja u tah l-unur mistħoqq personalment.

Crawford miet fl-2000. Huwa l-uniku suldat li ndifen fiċ-ċimiterju tal-Air Force Academy.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com