Ilni voluntier ma’ Dr Klown 8 snin, u għadha l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti

 Ilni voluntier ma’ Dr Klown 8 snin, u għadha l-isbaħ esperjenza ta’ ħajti

Kien il-bidu ta’ Jannar 2016. Għadni niftakar ċar daqs il-kristall l-ewwel darba li dħalt fl-isptar Mater Dei bħala ‘clown doctor’, wara kważi sena ta’ taħriġ. Ma nistax nemmen li diġa’ għaddew kważi 8 snin u nofs minn dak iż-żmien, u għadni sal-lum il-ġurnata verament ngħożż din l-opportunita’.

Mhuwiex faċli niddeskrivi s-sodisfazzjon li nħoss kull darba li noħroġ mill-bibien tal-isptar, wara li nkun żort l-iswali tat-tfal għal ftit sigħat. Pero, permezz ta’ dan l-artiklu, ser nagħmel ħilti biex naqsam magħkom il-maġija ta’ xi jfisser li tkun ‘clown doctor’.

Xi jfisser li tkun ‘clown doctor’?

Hekk kif nilbes il-ġagaga kkulurita u l-imnieħer l-aħmar, mill-ewwel inħoss tibdila. Ninsa l-affarijiet li għaddej minnhom jien u ndawwar l-attenzjoni kollha tiegħi lejn il-pazjenti.

Nadatta skont is-sitwazzjoni, nosserva kemm niflaħ u nagħmel minn kollox biex, imqar għal ftit minuti, inpoġġi tbissima fuq wiċċ dawk li l-iktar li għandhom bżonnha.

Ma nistaqsuhomx ‘Kif inti?’ jew ‘Kemm ilek hawn?’. Minflok, sempliċiment noffrulhom ftit ħin għal logħob, ċajt u fuq kollox ferħ. Waqt mumenti koroh ta’ mard u inkwiet, il-pożittivita’ ġenwina tagħna nemmen li tista’ ssarraf f’mirakli.

X’benefiċċji joffru l-‘clown doctors’?

Il-preżenza tagħna fl-isptar hija importanti ħafna. Għalkemm m’aħniex tobba mediċi li nistgħu nfejjqu fiżikament, kemm il-darba esperjenzajna ġenituri u familjari li qalulna kif iż-żjara tagħna kienet waħda mill-ftit drabi li setgħu jidħku u jinsew ftit l-għawġ tagħhom.

Ispirati minn Patch Adams, li huwa persuna vera u mhux biss il-karattru fil-film tal-istess isem tal-mibki Robin Williams mill-1998, l-għan tagħna hu li nużaw l-umoriżmu b’empatija.

Waqt id-diversi mumenti prezzjużi li jkollna mal-pazjenti, minbarra daħk naqsmu magħhom emozzjonijiet oħra wkoll, b’sensittivita’ totali għal dak li jkunu għaddejjin minnu.

Kemm jekk nispiċċaw niċċajtaw flimkien, jew inkella npoġġu fis-silenzju ħdejn il-pazjent għal ftit minuti ta’ konnezzjoni umana, xogħolna jkun sar.

Kif tista’ tgħin lill-organizzazzjoni Dr Klown?

Bħala għaqda non-governattiva, Dr Klown tilqa’ kontribuzzjonijiet mill-pubbliku fil-forma ta’ donazzjonijiet, imma anki għajnuna kummerċjali minn kumpaniji kwalunkwe.

Permezz ta’ din l-għajnuna, Dr Klown tkun tista’ tinvesti f’iktar taħriġ għall-voluntiera, ġugarelli għall-pazjenti, props u kostumi għall-‘clown doctors’, kif ukoll possibiltajiet ta’ espansjoni fil-futur.

Għal iktar informazzjoni, tista’ żżur is-sit uffiċjali www.drklown.org.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com