Imut il-kelb ta’ Jacob, l-ispirazzjoni wara kabina tal-annimali f’Mater Dei
Ilbieraħ ħalliena kelb ċkejken li kien l-ispirazzjoni wara l-proġett li wassal sabiex tinbena kabina għall-annimali fl-Isptar Mater Dei. Peanut, il-kelb ta’ Jacob Cachia, magħruf ma’ ħafna bħala t-Titanium Man, miet ilbieraħ wara li ferraħ u akkumpanja lill-familja Cachia għal 13-il sena.
Meta Jacob Cachia kien l-isptar għal kura fit-tul, ma setgħax jiltaqa’ mal-akbar ħabib tiegħu, Peanut. Ix-xewqa tiegħu f’mument diffiċli kien li jkollu lill-akbar ħabib tiegħu miegħu. Intant, Peanut sab lilu nniffsu kważi waħdu għal tul ta’ żmien, hekk kif il-ġenituri ta’ Jacob kienu ffukati fuq il-kura li kellu bżonn Jacob. Wara ħafna ħidma u permessi speċjali, omm Jacob irnexxielha ġġib il-permess biex għal mument ċkejken tlaqqa’ lil Jacob u peanut propju barra l-Isptar Mater Dei, dan hekk kif mhux permess li jiddaħħlu annimali ġewwa l-isptar.
Minn hawn bdiet ħidma oħra, ħidma li għamlet l-organizzazzjoni ta’ Jacob u ommu li ġġib l-isem ta’ Survivors Malta u l-organizzazzjoni JCI Malta. Flimkien ġabru fondi li wasslu għall-bini ta’ kabina fuq barra tal-isptar, bl-isem ta’ Reunited Pet Cabin, fejn issa, pazjenti li jinsabu għall-kura fit-tul, jistgħu jiltaqgħu mal-klieb tagħhom.
Fuq Facebook, Sarah, omm Jacob, irrakkuntat kif 11-il sena ilu, meta marad Jacob, kienet tirritorna lura d-dar darba fil-ġimgħa biex tlaħħaq mal-affarijiet tad-dar. Qalet li fir-realtà kienet tmur fis-sodda ta’ Jacob u tibki. Peanut kien jitla’ ħdejha u jżommilha kumpanija f’dawn il-mumenti diffiċli, kumpanija li kienet ittaffilha xi ftit l-uġigħ li kienet qed tħoss. “Nittama li fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, rnexxieli jiena wkoll nagħtih is-sabar li ta lili fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajti. Qalbi maqsuma għal din it-telfa, iżda l-ħsieb li issa stajt nagħtih lura dak il-wens li ta lili 11-il sena ilu, ġġibli ftit konfort.”
F’messaġġ emozzjonali fuq Facebook, Jacob irringrazzja lil Peanut tal-kumpanija tiegħu, talli għenu jħossu aħjar f’mumenti diffiċli u tad-dwejjaq. “13-il sena tal-imħabba tiegħek hija l-aktar ħaġa pura li wieħed jista’ jħoss. Ma jien se jirnexxieli nħobb l-ebda pet ieħor daqs kemm inħobb lilek,” qal Jacob.