Imxi iktar fir-raħal tiegħek

 Imxi iktar fir-raħal tiegħek

Jekk ikollok qadja mhux ’il bogħod ħafna minn fejn toqgħod, għaliex taqla’ l-karozza u tidħol fi problemi ta’ traffiku u parking? Minflok, tista’ timxiha. Bla ma taf tkun qed tgawdi minn ħafna benefiċċji: ma tistressjax ruħek ladarba l-bankini huma ġeneralment ħielsa mit-traffiku, ma tidħolx fi spejjeż tal-petrol jew diesel, u fl-istess ħin tkun qed tagħmel naqra eżerċizzju fiżiku.

Min imdorri jimxi jaf ukoll li spiss jaf jiltaqa’ u jgħid kelma jew tnejn ma’ persuni li jkun ilu ma jiltaqa’ magħhom. Nafu niskopru ħwienet ġodda, vetrini interessanti mimlijin b’oġġetti għal qalbna, u ngħaddu ftit ħin mistrieħa nieħdu kapuċċino u xi biċċa kejk waqt li naraw il-ħajja għaddejja quddiemna.

Hija prattika ta’ bosta wkoll dik li xi ħin jew ieħor matul il-jum noħorġu nimxu, l-iktar kmieni filgħodu jew tard waranofsinhar, meta x-xemx u s-sħana ma jkunux kargi daqstant.

Mixja fil-villaġġ jew belt fejn ngħixu taf tkun okkażjoni ta’ skoperti oħrajn li jpaxxu l-għajn u l-ispirtu. Nafu li l-villaġġi l-antiki huma miżgħudin b’niċeċ u statwi reliġjużi mferrxin f’irkejjen differenti. Mad-dawra jew fiċ-ċentru nafu niskopru numru ta’ kappelli li ħallewlna l-antenati tagħna, kollha wirt tat-twemmin Nisrani. Uħud minnhom saru jew inbnew minn persuni li għaddew minn esperjenzi koroh u rnexxielhom joħorġu qawwijin u sħaħ minnhom, u b’hekk xtaqu juru ringrazzjament lejn forzi akbar minnhom.

Imbagħad naraw binjiet partikolari li kienu jservu rwol speċifiku f’imgħoddi mhux daqstant imbiegħed: qed nirreferi pereżempju għall-imtieħen li nsibu mifruxa ’l hawn u ’l hinn. Dawn kienu importanti qabel ma daħlet l-elettriċità f’pajjiżna u kienu jitħaddmu bil-forza tar-riħ biex jitħnu l-qamħ tant bżonjuż biex jitma’ l-poplu inġenerali.

Illum hemm għajnuna finanzjarja apposta għal dawk li jixtiequ jirrestawraw djar antiki, bil-faċċati u l-gallariji tipiċi Maltin li jsebbħu l-qalba tal-bliet u l-irħula tagħna. Tidħol fi sqaqien partikolari donnhok mort lura sekli fiż-żmien b’binjiet magħmulin mill-ġebla Maltija u b’elementi arkitettoniċi mill-isbaħ li llum ma tarahomx fil-binjiet moderni li telgħin.

Meta toħroġ timxi ifli sewwa d-dettalji sbieħ ta’ raħlek.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com