Int għandek dras tal-għaqal?
Kemm hawn minnkom li jibżgħu jmorru għand id-dentist? Ngħiduha kif inhi, aħjar xi ftit ħin ta’ rilassament milli tmur taqla’ xi sinna jew xi darsa tal-għaqal. Tabilħaqq, qatt staqsejtu lilkom infuskom għaliex din tal-aħħar tissejjaħ hekk?
It-terminu marbut mad-dras tal-għaqal jalludi għall-fatt li normalment dawn id-dras joħorġu bejn l-età ta’ bejn is-17 u l-25 sena. Għaldaqstant, peress li f’din il-faxxa ta’ żmien dak li jkun ikun immatura aktar, dawn id-dras bdew jissemmghu hekk. Tajjeb li jingħad li mhux kull persuna neċessarjament jkollha dawn id-dras. Studji xjentifiċi juru li d-dras tal-għaqal kienu iktar komuni fil-passat qalbnl-antennati tagħna minħabba t-tip ta’ dieta li kellhom. Fil-fatt, madwar 35% tan-nies jitwieldu mingħajrhom. Fil-verità dawn id-dras mhumhiex indispensabbli għall-individwu u jista’ jkun li xi drabi jkollhom jitneħħew għax joħolqu problemi lis-snien oħra. Ovvjament, għandha ssir konsultazzjoni mad-dentist tal-fiduċja tiegħek qabel tieħu xi deċiżjoni mgħaġġla.
Ta’ min jesplora xi kurjużitajiet oħra li jingħadu fuq id-dras tal-għaqal. Hemm ċertu kulturi Ażjatiċi fejn jemmnu li meta jitneħħew id-dras tal-għaqal ifisser risq u titjib tal-ħajja sentimentali. F’ xi tradizzjonijiet Afrikani hemm min jemmen li dawn is-snien għandhom is-seħer li jipproteġu persuna mill-mard u mis-seħta.
U tal-għaqal tiegħek għadhom għandek?