Int x’tagħmel bis-souvenirs?
Il-vjaġġi saru parti mill-ħajja ta’ bosta minna l-Maltin. Arana nippjanaw fejn se nsiefru kif inxommu ftit jiem frank jew il-vaganzi tal-Milied, tal-Għid jew tas-sajf. Hemm min mhux marbut ma’ perijodi tas-sena partikolari biex jieħu l-vaganzi tiegħu u għalhekk igawdi mill-vantaġġi tal-low season kemm mil-lat ta’ biljetti tal-ajruplan kif ukoll prezzijiet ta’ lukandi.
Fost id-destinazzjonijiet l-iktar favuriti għalina l-Maltin hemm l-Italja, Franza, Spanja, ir-Renju Unit, l-Olanda, imma anki pajjiżi tat-Tramuntana bħall-Iskandinavja u oħrajn tal-Lvant bħall-Polonja, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Bulgarija u oħrajn. Dan biex ma nsemmux l-ibliet differenti li jieqfu fihom il-bosta cruise liners li jitilqu regolarment mill-Port il-Kbir.
Maltin oħrajn qed ikunu iktar avventurużi u jżuru artijiet aktar ’il bogħod bħat-Tajlandja, l-Emirati Għarab, l-Awstralja, New Zealand, l-Indja, il-Ġappun u iktar. Hemm min mar saħansitra fiċ-Ċirku Artiku fejn kulma tara hu silġ.
Ħaġa li bosta minna jħobbu jagħmlu mbagħad hija dik li jżuru l-ħwienet tas-souvenirs lokali li huma numerużi daqs il-faqqiegħ. Is-sidien ta’ dawn il-ħwienet għandhom il-ħabta kif jippreżentaw dawn l-oġġetti żgħar ta’ kull lewn, materjal u forma, sabiex iħarju lil dak li jkun jixtri għalih u għal tal-familja jew ħbiebu tifkira tal-post.
Fost l-aktar oġġetti li jinbiegħu nsibu keychains, plattini żgħar, statwetti, t-shirts, kalamiti b’ritratti tal-postijiet turistiċi li jitwaħħlu mal-friġġ, xi notebook ċkejken, u mitt ħaġa oħra. Dawn ikunu magħmulin minn materjal differenti, skont il-post: min imur l-Etna jaf iġib ruxxmata souvenirs magħmulin mil-lava; hemm souvenirs tal-irħam jekk tmur in-naħa tat-Toskana fl-Italja, jew oġġetti taċ-ċeramika; imbagħad hemm min iġib miegħu oġġetti tal-injam, oħrajn magħmulin minn tessuti differenti; hemm souvenirs magħmulin ukoll minn materjal irreċiklat.
Kemm minna fil-fatt inżommu dawn is-souvenirs li nixtru u iktar u iktar naqilgħu mingħand ħaddieħor? Naf li hemm min iġemma’ souvenirs partikolari u jpoġġihom saħansitra ġo vetrini magħmulin apposta. Oħrajn jerfgħuhom ġo kaxex jew kxaxen partikolari biex kull tant żmien jerġgħu joħorġuhom u jiftakru fil-post jew persuna.
Oħrajn jafu tant jaqilgħu minn dawn l-oġġetti żgħar li japprezzawhom għal żmien qasir biex wara jwarrbuhom u jinsuhom.
Inti x’tagħmel bis-souvenirs?