Int x’tippreferi: Ramel jew blat?

 Int x’tippreferi: Ramel jew blat?

Bħala Maltin niftaħru li x-xemx tiddi matul kważi s-sena kollha. Apparti x-xemx, element naturali ieħor għal qalbna huwa l-baħar, imma għal bosta dan ikun kiesaħ matul numru sostanzjali ta’ xhur. Għalhekk xemx u baħar bħal jiftehmu bejniethom fix-xhur sajfin biex sena wara l-oħra jiġbdu lejhom eluf kbar ta’ Maltin u barranin.

Minkejja ċ-ċokon tagħhom, il-gżejjer Maltin jabbundaw minn imkejjen fejn nistgħu ngawdu l-baħar, nistrieħu u nixxemmxu. Għandna bajjiet iffrekwentati ħafna bħall-Għadira, Paradise Bay, l-Armier, Għajn Tuffieħa u dawk qrib tagħha, ir-Riviera u l-Ġnejna, imma anki Pretty Bay fin-Nofsinhar ta’ Malta, u r-Ramla f’Għawdex.

Sa minn April jew Mejju tibda tara jiġu armati f’dawn l-imkejjen l-umbrelel u s-sunbeds għal dawk it-turisti li jħobbu jgawdu x-xemx u l-baħar sa minn kmieni mingħajr ir-rassa tal-folla sajfija. Imbagħad iktar kemm joqorbu Ġunju u Lulju – biex jilħqu l-quċċata f’Awwissu – dawn ir-ramliet tarahom mgħottija b’mijiet ta’ umbrel ikkuluriti, waħda ħdejn l-oħra, filliera wara l-oħra, bi ftit spazju għal dawk li jippreferu jġibu umbrella u siġġu mid-dar.

Bosta jippreferu r-ramel għax fuqu jkunu jistgħu jimxu bla ebda tbatija, filwaqt li hemm min jemmen li s-saqajn f’kuntatt miegħu ġid isirilhom. It-tfal erħilhom iħaffru fir-ramel jew jibnu torrijiet u kastelli b’kanali mimlijin ilma baħar mad-dawra.

Imma hemm imbagħad dawk li jippreferu l-blat, forsi għax jiddejqu jġorru magħhom lura d-dar turrun ramel, iktar u iktar min ikollu t-tfal! Jistgħu jkunu jippreferu postijiet inqas iffullati. Hemm min jgħid li fejn hemm il-blat il-baħar ikun iktar nadif u ċar, filwaqt li hemm min isostni li dik il-biċċa li r-ramel jidħollu f’kull rokna ta’ ġismu, b’ċertu tip ta’ ramel li bħal jeħel miegħek, iddejqu tassew!

Ikun xi jkun, tippreferix ramel jew blat, għandna niftakru li dawn huma mkejjen pubbliċi, mela ta’ ħadd u fl-istess ħin ta’ kulħadd. Iridu jitgawdew minna lkoll, mela huwa importanti li ma nħammġux u ma nħallux miżbla warajna daqslikieku dan mhux pajjiżna jew darna.

Poplu ċivilizzat jidher ukoll mill-indafa li jħalli warajh.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com