INTI PERSUNA SUPERSTIZZJUŻA?

 INTI PERSUNA SUPERSTIZZJUŻA?

Hemm ħwejjeġ fin-natura tagħna bħala bnedmin li jorbtuna mal-imgħoddi mbiegħed tagħna. Dawn huma elementi fil-karattru tagħna li joħduna lura f’passat meta l-bniedem kien ħaġa waħda ma’ forzi akbar minnu tant li kien jemmen fi spirti u allat, kemm tajbin kif ukoll ħżiena, u minħabba f’hekk kien anki joffri sagrifiċċji partikolari bħala sinjal ta’ ringrazzjament jew biex iżomm il-ħażen ’il bogħod minnu.

Is-superstizzjonijiet kienu iktar b’saħħithom fl-imgħoddi meta s-soċjetà kienet iktar arretrata u l-parti l-kbira tal-popli kienet tgħix fl-injuranza u fil-biża’ ta’ saħta, tpattija u kastigi min-naħa ta’ forzi ikbar.

Minkejja li llum imxejna ħafna ’l quddiem u m’għadniex ngħixu fid-dlam tal-injoranza, xorta waħda għal bosta minna hemm affarijiet li nibżgħu nagħmlu jew għallinqas nevitaw li nagħmluhom.

Hemm min irodd is-salib, jgħid Requiem aeternam (Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta’ dejjem), u jmiss ċerti partijiet intimi ta’ ġismu meta tgħaddi minn ħdejh karozza tal-mejtin li qed iġġorr tebut fiha. Oħrajn jibżgħu jgħaddu minn taħt slielem jew scaffolding minħabba li jemmnu li dan jista’ jġib is-saħta fuq dak li jkun. Imbagħad hemm dawk li jiddejqu jiftħu umbrella sewda ġewwa d-dar, jew jippanikjaw jekk ikissru mera!

Persuni oħra bħal jibżgħu meta jaqsam minn quddiemhom qattus bil-pil iswed, oħrajn ħallihom jirranġaw kull inkwatru mhux dritt li jsibu quddiemhom. Hemm min ma jidħolx fi stabbiliment min-naħa tal-exit. Kemm minna llum għadhom jagħmlu qrun fil-but malli tgħaddi minn ħdejhom persuna li għandha r-reputazzjonili tisħet?!

Niftakru li persuni ta’ ċerta età ma kinux jarmu biċċa ħobż niexfa jekk qabel ma jbusuhiex, oħrajn ma kinux jarmu s-santi jew inkella kienu jaħarquhom, skont it-tradizzjoni.

Personalment meta naqra ktieb naċċerta ruħi li l-bookmark tkun dejjem rasha ’l fuq b’wiċċha fuq quddiem, jew inkella meta ngħolli l-volum tat-televiżjoni nħobb nħallih fuq numri pari mhux fard. Affarijiet oħra li niddejjaq inħalli huma plattijiet maħmuġin fis-sink matul il-lejl jew ħwejjeġ maħsulin u nodfa mhux mitwijin. Imma hawn inkun qed immiss it-territorju tal-OCD?

Inti persuna superstizzjuża u liema ħwejjeġ idejquk?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com