Inti titkellem mal-pet tiegħek?
Min jaf kemm familji Maltin għandhom għallinqas annimal domestiku – jew pet – id-dar. Hemm min għandu iktar minn wieħed. Kulħadd jaf min għandu xi akkwarju, jew irabbi xi kelb, qattusa, fenek tal-Indi jew hamster, għasafar ta’ kull tip. Biex ma nsemmux lil dawk iktar avventurużi li għandhom xi annimal eżotiku bħal xi xadina, serp, xi brimba daqs il-pala t’idu, u min jaf xiex iktar.
Jiena se nikteb dwar il-pets li nqisuhom “normali”, għalkemm żgur li għal sidhom jew sidthom żgur li huma annimali speċjali. Għal bosta minna huma sors qawwi ta’ kumpanija, ħlejjaq li ħafna drabi jġagħluna nħobbuhom tant li nispiċċaw nitkellmu magħhom.
Kemm il-darba nkunu mexjin barra u nisimgħu lil min ikellem direttament lill-kelb tiegħu. “Ibqa’ miexi”, “Tiqafx hemm”, “Ejja Luna. Għejejt?”, “Tridni nerfgħek”, “Jaqq dik! Tmisshiex!”, “Tiġbidx ħafna!”, u ħafna iktar.
Imbagħad għal min għandu xi qattusa d-dar isimgħu jgħajtilha biex tiġi bilqiegħda fuqu waqt li qed jara t-televiżjoni u jfissidha. Jew kif niftħu l-friġġ jew il-bieba ta’ xi cupboard partikolari araha ġejja tiġri, taqbeż fuq il-mejda f’tellieqa biex takkwista minnufih l-ikel.
Fost l-ismijiet li konna nagħtu lill-qtates li kellna niftakar Fleecy, Starskey (ladarba Hutch kien miet ftit wara li twieled), Ċiċċa, Ċombu (għax kien lewn iċ-ċomb), Scruffy, Srinzo (mhux għan kien kunjomu hekk imma għax kif kien jisma’ dan l-isem kien iwaqqaf widnejh u jiġi jitfissed), Snowey (ladarba lewnu kien abjad silġ), u min jaf kemm iktar.
Min minna jitkellem mal-pet tiegħu u jgħid li l-kelb, qattus, jew għasfur saħansitra jweġbuh lura bl-ilsien partikolari tagħhom? Mjaw mjaw, wuff wuff jew psst psst partikolari li bħal nifhmu eżattament xi jkunu jridu jgħidulna bihom il-ħlejjaq li jgħixu magħna d-dar.
Il-pets jeħtieġu ħafna ħin, xi wħud iktar minn oħrajn, imma jagħtuna lura ħafna iktar, fosthom imħabba, rikonoxximent u sens ta’ hena u paċi. Iktar u iktar meta nfissduhom u ngħaddu idejna minn fuq il-pil tagħhom u jħarsu lejna b’dik il-ħarsa ta’ gratitudni.
X’irridu aktar?