Is-saħħa mentali, vizzji, saħħa riproduttiva u suġġetti oħrajn li għandna bżonn nitkellmu dwarhom

 Is-saħħa mentali, vizzji, saħħa riproduttiva u suġġetti oħrajn li għandna bżonn nitkellmu dwarhom

Ċertu suġġetti, minkejja li huma ta’ sinjifikat importanti, għad hawn stigma kbira meta wieħed jipprova jitkellem dwarhom. Forsi għax joħolqu skonfort jew jisfidaw in-normi soċjali. Inħarsu lejhom bħala “taboo”, xi ħaġa li sempliċiment ma nitkellmux dwarha, minkejja li tista’ tħalli impatt kbir fuq ħajjitna jekk niġu wiċċ imb’wiċċ magħha. Hawn taħt se nsemmu ftit minn dawn is-suġġetti li naħsbu li hemm bżonn nitkellmu aktar dwarhom…taħsbu li hemm oħrajn?

Is-saħħa mentali

Minkejja li hemm aktar kuxjenza dwar is-saħħa mentali, xorta waħda nsibu li tiġi stigmatizzata, u minħabba f’hekk, ħafna ma jfittxux l-għajnuna. Meta wieħed jitkellem b’mod miftuħ dwar is-saħħa mentali inaqqas l-istigma, jippromwovi l-bżonn li nifhmu lil xulxin u jinħoloq aktar sapport għal dawk li jkunu għaddejjin minn żiminijiet diffiċli.

L-orjentazzjoni sesswali u l-identità

Hawn Malta ngħajtu ħafna dwar id-drittijiet li matul l-aħħar snin ingħataw lill-membri tal-komunità LGBTIQ+, madanakollu xorta għadek tisma’ bi stejjer ta’ persuni li ma jħossuhomx komdi joħorġu barra id f’id mal-partner tagħhom. Kummenti tan-nies, ħars żejjed u diskriminazzjoni jwassluhom sabiex iħossu li għandhom jaħbu min verament huma. Hemm bżonn li apparti l-leġiżlazzjonijiet ikun hawn konverżazzjoni miftuħa u rispettuża li tinkoraġġixxi l-inklussività soċjali u li wieħed jaċċetta lill-persuna, hi min hi, u hi kif inhi.

Il-mestruazzjoni u s-saħħa riproduttiva

Jekk xi darba stħajt taqbad xi kaxxa pads fis-supermarket għax kien hemm nies oħrajn madwarek, m’intix waħdek. Is-suġġett tal-mestruazzjoni ma tantx nitkellmu dwaru iżda l-edukazzjoni dwaru hija xi ħaġa kruċjali fil-ħajja ta’ kull mara. Intant, fejn tidħol is-saħħa riproduttiva hemm nuqqas kbir ta’ informazzjoni minkejja li ż-żminijiet tal-lum żviluppaw mentalità xi ftit jew wisq aktar miftuħa.

Il-mewt u n-niket li jġib miegħu

Għandna wkoll il-vizzju li nevitaw li nitkellmu dwar is-suġġett tal-mewt. Mhux ta’ b’xejn malli nesperjenzaw xi mewt ta’ persuna viċin tagħna ninħasdu, anke meta nkunu qed nistennewha minn ħin għall-ieħor. Hemm nuqqas ta’ konverżazzjoni wkoll fejn jidħol in-niket li jġib miegħu l-mewt u kif għandna nindirizzaw l-emozzjonijiet. 

Problemi finanzjarji

Ħafna drabi, meta wieħed ikun għaddej minn problemi finanzjarji kbar iżommhom moħbijja, anke meta dawn jikkawżawlu stress kbir. Hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar kif tieħu ħsieb il-flus, soluzzjonijiet prattiċi ta’ meta ssib ruħek f’sitwazzjonijiet finanzjarjament diffiċli u modi kif tista’ titnaqqas l-istigma.

Il-vizzji

La qed ngħixu fid-dinja jfisser li aħna wkoll kapaċi naqgħu f’xi vizzju jew ieħor. Madanakollu, għad hawn min jiġġudika b’mod aħrax lil persuni li jaqgħu f’xi vizzju. Ġudizzju li ħafna drabi jwaqqafhom milli jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn. Meta wieħed jirrikonoxxi l-vizzju bħala kundizzjoni medika u jitkellem dwar dan is-suġġett b’mod miftuħ, jiġġenera sens akbar ta’ empatija u jinkoraġġixxi lil dak li jkun sabiex ifittex l-għajnuna.

Il-vjolenza domestika

Is-silenzju jippermetti sabiex il-vjolenza domestika tirrenja. Meta wieħed joħloq spazji sikuri għal persuni li jkunu għaddew minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika, filwaqt li jqajjem kuxjenza u sens ta’ responsabbilità ġenerali fil-pajjiż, ikun qed jgħin sabiex inaqqas l-istigma u jinkoraġġixxi lil dawn il-persuni biex ifittxu l-għajnuna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com